L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi llum żar ir-residenza ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ fil-Mosta, li tgħin ommijiet li minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt it-tqala jagħtu prijorità l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.
F’din id-dar, li hija mmexxija mill-Fondazzjoni Life Network, mal-21 omm ingħataw l-għajnuna f’dawn l-aħħar tliet snin. F’dawn il-jiem, ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ hi miftuħa sabiex kull min jixtieq jagħti donazzjoni u jara b’għajnejh l-għajnuna li qed tingħata lil dawn l-ommijiet u t-trabi tagħhom.
Waqt iż-żjara, l-Isqof Galea-Curmi saħaq li ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ qed tagħmel ħafna ġid fost is-soċjetà Maltija għaliex f’din id-dar l-ommijiet kollha li jinsabu f’diffikultà, irrespettivament mit-twemmin tagħhom, isibu s-solidarjetà u l-appoġġ meħtieġa sakemm jerġgħu jqumu fuq saqajhom.
Dr Miriam Sciberras, iċ-Chairperson tal-fondazzjoni, spjegat li bħalissa din id-dar qed tagħti kenn lil tliet ommijiet u t-trabi tagħhom u li d-dar baqgħet miftuħa biex tgħin lill-ommijiet.
Dr Sciberras appellat lin-nisa u l-familji li jinsabu fi kriżi waqt it-tqala biex ifittxu l-għajnuna billi jċemplu fuq 20330023.