Il-Ħadd, il-Korp tal-Pulizija fakkar il-mitejn u ħames sena anniversarju mill-bidu tiegħu. B’ċelebrazzjoni ta’ dan uffiċjali u membri fi ħdan il-Korp tal-Pulizija attendew għal quddiesa li tiġi ċċelebrata darba bis-sena dejjem fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju.
Wara l-quddiesa dlonk bdiet parata li mxiet sal-qabar tal-korp fejn fih hemm midfun ex-membri li tul dawn l-aħħar mitejn u ħames snin taw is-servizz tagħhom.
Hemmek ittellgħet ċerimonja ta’ tqegħid tal-fjuri fuq il-qabar tal-korp, fejn spikka l-element ta’ rispett għal dawk kollha li servew fil-korp tul dawn is-snin kollha.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-Kummissarju tal-Pulizija is-Sur Lawrence Cutajar hekk kif spjega l-importanza ta’ din l-attivita.
“Bħalma nagħmlu kull sena ninġabru quddiem il-qabar tal-membri tal-Korp midfuna hawnekk li għixu ħajjithom fil-Korp tal-Pulizija. Għalina din hija li hija funzjoni sinifikanti ħafna. Isiru ċerti preparamenti għaliha. Is-sabiħ tagħha huwa li barra li jattendu l-membri tal-Korp tal-Pulizija jattend wkoll familjari ta’ ex-membri li huma midfunin hawn.”
Waqt iċ-ċerimonja tlissnet it-talba tal-korp.
“F’ħajjitkhom terraqtu biex twennsu u tħarsu lil ħutkhom Maltin. Għad dell tas-Salib issa strieħu mibkija bla qatt minsijin.”
Preżenti għaċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-fjuri, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtá Nazzjonali Michael Farrugia stqarr ma’ One News l-importanza għal din it-talba.
“L-iktar ħaġa importanti huwa li jkun qed iwettqu xogħolhom biex jipproteġu ċ-ċittadini Maltin, biex iżommnu pajjiżna sikur u fl-aktar ħaġa iktar importanti, it-talba li fl-aħħar qrajna lejn il-Pulizija li jirritornaw lejn darhom qawwijin u sħaħ wara l-ġurnata.”
Intant il-Ministru Farrugia ħabbar kif hemm pjanat iktar riformi fi ħdan il-Korp.
“Il-ħidma trid tkompli. Ir-riformi jridu jkomplu għaddejin. Qiegħdin inkomplu nżidu r-riżorsi umani, l-apparat iktar modern fi ħdan il-Korp u anke rridu nibdew naraw strateġija ġdida li nittamaw li fix-xhur li ġejjin tibda’ tiġi mplimentata ħalli l-Korp ikun iktar jiffunzjona aħjar u jagħti servizz aħjar iktar milli diġá qed jagħti.”