Il-Ħadd filgħodu tfakkar il-204 snin mit-twaqqif tal-Korp tal-Puliżija. Kien fit-tnax ta’ Lulju tal-1814 meta l-ewwel gvernatur tal-Imperu Ingliz, il-Gvernatur Maitland ordna sabiex jitwaqqaf il-Korp tal-Pulizija biex ikun hawn iktar ordni f’pajjizna.
F’quddiesa li saret fil-Kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li attendew għaliha diversi membri tal-Korp tal-Puliżija, tfakkru l-ħajjiet ta’ dawk kollha li servew fil-Korp matul dawn il-mitejn u erba snin.
Wara l-quddiesa saret ċerimonja li matulha tpooġġew kuruni fuq il-qabar tal-Korp.
Il-Kappillan tal-Korp, Fr Raymond Bonnici talab għal ruħ dawk li tilfu ħajjithom. Segwa dan mument ta’ silenzju, biex imbagħad tqiegħdu l-fjuri mill-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Michael Farrugia, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutujar u l-unions tal-Puliżija.
Din iċ-ċerimonja ssir ta’ kull sena fil-post iddedikat għal Korp tal-Pulizija fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn ilha ssir għal dawn l-aħħar sitta u tmenin sena, hekk kif l-ewwel darba li saret din iċ-ċerimonja kien fl-1 ta’ Novembru 1932.