Is-sena 2024 tibqa’ waħda importanti għall-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif, f’din is-sena, bdiet il-leġiżlatura l-ġdida ta’ ħames snin sal-elfejn disgħa u għoxrin (2029).
It-terminu tal-Kummissjoni Ewropea beda fl-ewwel ta’ Diċembru li għadda. Dan fisser li beda t-tieni terminu tal-Ġermaniża Ursula von der Leyen, bħala President.
Hi ntagħżlet mill-ġdid biex tmexxi din l-ogħla istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, mill-mexxejja Ewropej, f’summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda.
Wara hi ġiet ikkonfermata mill-Parlament Ewropew f’Lulju li għadda. Minn hemmhekk, beda l-proċess biex jintagħżlu s-sitta u għoxrin (26) Kummissarju Ewropew ieħor mill-istati membri Ewropew.
Hawnhekk il-Gvern Malti għażel lil Glenn Micallef għal dan ir-rwol. Bil-President tal-Kummissjoni Ewropea tassenja lil Micallef il-portafoll taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, il-kultura u l-isport.
Fl-erbgħa ta’ Novembru li għadda, Glenn Micallef kellu s-seduta tas-smigħ tiegħu, dik magħrufa bħala l-“grilling”. Sa sagħtejn wara li ntemmet din is-seduta, ONE News żvela kif Micallef ġab l-appoġġ tal-maġġoranza tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Tant hu hekk, li s-sit awtorevoli Politico qal li n-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew kellu l-akbar appoġġ minn fost il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Wara li tlesta l-proċess tal-“grilling”, il-Parlament Ewropew ivvota favur il-Kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji Ewropej.
Fost il-Kummissarji Ewropej hemm Kaja Kallas, li f’Ġunju ntagħżlet mill-mexxejja Ewropej biex tkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Fil-bidu ta’ Ġunju li għadda, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea vvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
F’Malta, l-elezzjoni saret fit-tmienja ta’ Ġunju u fiha ġew eletti tliet deputati tal-Partit Laburista u tliet deputati tal-Partit Nazzjonalista.
F’Lulju, Roberta Metsola reġgħet ġiet eletta biex tmexxi l-Parlament Ewropew għal sentejn u nofs oħra.
Dan filwaqt li fl-istess summit tal-Kunsill Ewropew, fl-aħħar ta’ Ġunju, il-mexxejja Ewropej qablu li Antonio Costa se jkun il-President tal-Kunsill Ewropew. It-terminu tiegħu wkoll beda fl-ewwel ta’ Diċembru li għadda. Hu għandu f’dan ir-rwol għal sentejn u nofs, iżda l-mexxejja Ewropej jistgħu jġeddu t-terminu tiegħu b’sentejn u nofs oħra.
Il-Gwerra fl-Ukrajna baqgħet tiddomina l-aġenda tal-Unjoni Ewropea, flimkien mas-sigurtà u d-difiża. Dan filwaqt li fost il-bosta riformi ġie introdott l-att dwar l-intelligenza artifiċjali.