Is-sena 2024, li ntemmet ftit tal-jiem ilu, kienet waħda li fakkret avvenimenti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif fil-31 ta’ Marzu ġie ċċelebrat il-45 sena minn Jum il-Ħelsien. Dan il-jum, is-sena l-oħra, inzerta ġie ċċelebrat fl-istess jum mal-Għid il-Kbir. Dakinhar filgħodu, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew il-fjuri fuq il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
Hawnhekk ġie mfakkar meta l-imperu Ingliż żarma l-bażijiet tiegħu darba għal dejjem minn Malta, wara kważi 180 sena, fil-31 ta’ Marzu tal-1979. F’dik li kienet l-akbar festa tniżżlet il-bandiera Britannika u ttellgħet il-bandiera bajda u ħamra, dik Maltija.
Imbagħad fl-Ewwel ta’ Mejju, tfakkar l-għoxrin anniversarju mindu Malta saret stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Fil-21 ta’ Settembru ġie mfakkar is-sittin sena mindu Malta saret indipendenti. F’dan il-jum saret quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u wara l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew il-fjuri quddiem il-Monument tal-Indipendenza fil-Furjana.
F’dan il-jum jitfakkar kif, fl-1964, Malta kisbet l-indipendenza wara negozjati mal-Gvern Ingliż fil-bidu tas-sittinijiet.
U fit-13 ta’ Diċembru, Malta fakkret il-ħamsin sena mill-kisba storika tar-Repubblika. Filgħodu saret quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u wara l-parata mill-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. Wara saret iċ-ċerimonja annwali ta’ Ġieħ ir-Repubblika, l-ewwel waħda tal-President Myriam Spiteri Debono.
Filgħaxija, imbagħad, sar l-ispettaklu ‘L-Istorja, Int’, fejn ġiet imfakkra l-istorja ta’ pajjiżna, f’din is-sena tant importanti għal pajjiżna. Għal dan il-għan ġiet imnedija kanzunetta bl-isem ta’ ‘Aħna Malta’.