Fl-2024, Malta se tiċċelebra erba’ anniversarji importanti fl-istorja riċenti.
L-anniversarji importanti li se jfakkar pajjiżna s-sena d-dieħla huma s-sittin sena minn meta Malta saret indipendenti, il-ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika, il-ħamsa u erbgħin sena minn meta Malta kisbet il-Ħelsien u l-għoxrin sena minn meta pajjiżna sar membru stat tal-Unjoni Ewropea.
Fil-21 ta’ Settembru tal-1964, Malta saret indipendenti, wara aktar minn mija u sittin sena ta’ ħakma Brittanika. Iċ-ċerimonja uffiċjali fejn Malta saret indipendenti saret fil-Furjana, meta preżenti kien hemm il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, George Borg Olivier u d-Duka ta’ Edinburgh, il-Prinċep Filippu. Fl-2024, Malta se tiċċelebra s-sittin sena minn din il-kisba importanti fl-istorja ta’ pajjiżna, meta Malta saret stat sovran.
Anniversarju ieħor li se jkun iċċelebrat minn pajjiżna fl-2024, huwa dak ta’ ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika. Dan meta fit-tlettax ta’ Diċembru tal-1974, il-maġġoranza tal-Parlament Malti vvota favur li Sir Anthony Mamo, li kien Gvernatur Ġenerali jsir Kap ta’ Stat. Dan wara li fl-għaxar snin ta’ Malta Independenti, il-Kap ta’ Stat kienet ir-Reġina Eliżabetta, li kienet irrappreżenta minn Gvernatur Ġenerali. Dakinhar, Sir Anthony Mamo ħa l-ġurament bħala l-ewwel President ta’ Malta, waqt li Dom Mintoff ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Malta f’din il-kostituzzjoni l-ġdida.
F’din is-sena, Malta se tiċċelebra l-ħamsa u erbgħin anniversarju mill-kisba tal-Ħelsien, fil-31 ta’ Marzu tal-1979. Dakinhar il-bażi Ingliża ħalliet darba għal dejjem lil pajjiżna wara kważi mija u tmenin sena, fejn fuq il-monument fil-Birgu tniżżlet il-bandiera Ingliża u ttelgħet dik Maltija. Dan seħħ wara li fil-bidu tas-sebgħinijiet, telgħa Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff u nnegozzja mal-Gvern Brittaniku biex iħalli lil pajjiżna fl-aħħar ta’ Marzu tal-1979, flimkien ma’ pakkett finanzjarju b’saħħtu. Is-sena d-dieħla, Jum il-Ħelsien se jaħbat eżatt f’jum l-Għid il-Kbir.
Dan filwaqt li fl-istess sena, pajjiżna se jfakkar ukoll l-għoxrin sena minn meta Malta ssieħbet bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel ta’ Mejju tal-2004.