F’Ottubru li għadda, bdiet il-gwerra mdemmija fil-Lvant Nofsani.
Fis-sebgħa jum ta’ Ottubru, il-grupp Hamas wettaq l-akbar attakk f’diversi snin fuq Iżrael, hekk kif spara rockets u militanti tiegħu assedjaw irħula qrib il-fruntiera ma’ Gaza.
Dakinhar l-militanti tal-Hamas attakkaw festival mużikali, fejn inqatlu mijiet u nħatfu mal-240 persuna oħra.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, irreaġixxa bil-qawwa billi qal li pajjiżu jinsab fi gwerra u jumejn wara Iżrael ordna assedju fuq l-Istrixxa ta’ Gaza.
Minn hemm bdew iseħħu diversi bombardamenti u dawk deskritti bħala atroċitajiet fuq il-poplu Palestinjan Gaza, fejn f’din iż-żona, li hi d-daqs ta’ Malta, tħallew ukoll mingħajr ir-riżorsi prinċipali, inkluż elettriku, ikel u fuel.
F’Iżrael jiġi fformat Gvern ta’ emerġenza għal żmien ta’ gwerra.
Fit-tlettax ta’ Ottubru, ftit jiem wara li bdiet din il-gwerra, il-President tal-Parlament Ewropew u Membru Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen żaru Iżrael.
F’din iż-żjara, li saret minn jeddhom u bla approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw, ġiet meqjusa bħala barka lill-armata Iżraeljana biex twettaq ritaljazzjoni vjolenti.
Minn hemm id-dinja bdiet tara diversi attakki insensati fl-Istrixxa ta’ Gaza li ħallew eluf mejta, inkluż nisa u tfal innoċenti.
F’nofs Ottubru, twettaq attakk fuq sptar f’Gaza, bl-uffiċjali Palestinjani jgħidu li l-Iżraeljani huma responsabbli, waqt li l-Iżraeljani qalu li r-rocket ġie sparat mill-Palestinjani nfushom.
Waqt li beda jattakka kontinwament, il-gvern Iżraeljan beda jappella biex dawk li joqogħdu fit-Tramuntana jinżlu lejn in-naħa t’isfel. Dan filwaqt li l-fruntiera bejn Gaza u l-Eġittu kienet magħluqa, bl-ewwel għajnuna umanitarja tasal biss ġimagħtejn wara li bdiet din il-gwerra.
Wara xita ta’ missili, il-militar Iżraeljan beda jattakka mill-art u minn hemm l-ostaġġi li nħatfu mill-grupp Hamas bdew jinħelsu.
F’nofs Novembru, riżoluzzjoni Maltija fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda ġiet adottata bil-għan li tasal l-għajnuna meħtieġa f’Gaza u li l-innoċenti, partikolarment it-tfal, jiġu protetti. Dan wara li erba’ riżoluzzjonijiet preċedenti ma sabux l-appoġġ jew ġew imblokkati bil-vetoes.
Dan il-pass fil-Ġnus Magħquda wkoll instiga biex fl-aħħar ta’ Novembru u fil-bidu ta’ Diċembru kien hemm waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ naħat, fejn fil-bidu l-perjodu għall-waqfien mill-ġlied kien ta’ erbat ijiem u wara tela’ għal ġimgħa.
Fl-aħħar ta’ Diċembru, l-istess organu tal-Ġnus Magħquda approva riżoluzzjoni importanti favur aktar għajnuna umanitarja lejn Gaza. Dan wara jiem ta’ negozjati, hekk kif l-Istati Uniti bdiet thedded li se tuża l-veto.
Dan l-akbar konflitt imdemmi fir-reġjun fl-aħħar ħamsa u sebgħin sena wassal biex fl-Istrixxa ta’ Gaza nqatlu aktar minn għoxrin elf persuna sal-lum.