Din is-sena huwa mifhum li madwar 5478 irreġistraw għall-eżamijiet biex b’hekk tissinifika numru rekord ta’ nies li qatt irreġistraw għal dawn l-eżamijiet tas-SEC.
Apparti minn hekk, din is-sena rat żieda ta’ 1.1% ta’ studenti li akkwistaw ir-rekwiżiti li hemm bżonn sabiex jidħlu f’istituzzjonijiet post-sekondarji. Dan ifisser li 44.6% tal-istudenti li għamlu l-eżamijiet tal-O levels, għaddew.
Minn stqarrija mibgħuta mill-Università ta’ Malta, stajna nisiltu informazzjoni li turi li 47.9% tat-tfajliet li applikaw għall-eżamijiet ġabu r-riżultati li hemm bżonn sabiex jidħlu f’istituzzjoni post-sekondarja filwaqt li 41.4% biss tal-ġuvintur ġabu r-rekwiżiti li hemm bżonn.
Kien hemm żieda konsiderevoli fin-numru ta’ studenti li għażlu u għaddew minn suġġetti vokazzjonali. 76.3% tal-istudenti għaddew u ġabu marka minn 1-5 filwaqt li 84% tal-istudenti għaddew u ġabu marka minn 1-7.
3857 student poġġew għall-eżamijiet ta’ matrikola u b’hekk naraw żieda ta’ 53 reġistrazzjoni għal dawn l-eżamijiet.
Minn dawn it-3857 student, 1207 minnhom akkwistaw iċ-ċertifikat tal-Matrikola li jissinifika żieda fl-ammont ta’ studenti li rnexxielhom jakkwistaw dan iċ-ċertifikat.
Din is-sena kienet l-ewwel sena li l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC kien ssussidjati mill-Gvern u din il-miżura rriżultat f’żieda sostanzjali fir-reġistrazzjonijiet għal dawn l-eżamijiet.
Minkejja dan, din is-sena rat żieda wkoll ta’ studenti li rreġistraw għall-eżamijiet iżda ma attendewx. Dawn jispikkaw l-iktar f’suġġetti b’numru kbir ta’ reġistrazzjonijiet bħal Malti, Fiżika u l-Ingliż kemm fil-letteratura kif ukoll fil-grammatika u l-lingwa. F’dawn is-suġġetti n-numru ta’ studenti li ma jattendux irdoppja filwaqt li fil-Matemika minkejja li n-numru żdied, huwa s-suġġett li ra l-inqas żieda ta’ studenti li m’attendewx għalih.