Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li matul l-2016 reġa’ kien hemm tnaqqis fid-dipendenza soċjali.
Filwaqt li fi tmiem l-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm 9,241 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, tliet snin wara l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal kważi 6,300.
Dan it-tnaqqis ta’ terz seħħ minħabba li pajjiżna qed ikollu tkabbir ekonomiku rekord, filwaqt li l-qgħad naqas għall-inqas livell minn mindu bdiet tinġabar l-istatistika
L-andament eċċellenti fis-suq tax-xogħol joħroġ ukoll mill-fatt li dawk li jieħdu l-benefiċċju għall-qgħad kif ukoll l-assistenza speċjali għan-nies qiegħda waqgħu għal 2,064 u għal 3,597 rispettivament.
Fl-2013 kien hemm 4,198 u 6,119 persuna li kienu jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji, jiġifieri fi tliet snin dawk dipendenti fuq dawn il-benefiċċji naqsu bin-nofs.
Kontra leġiżlaturi passati fl-2016 naqset l-ispiża fuq il-benefiċċji soċjali mhux kontributorji, tant li s-sena li għaddiet l-ispiża fuq il-benefiċċji soċjali mhux kontributorji kienet €1 miljun inqas milli kienet fl-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni. Dan minkejja li minn dakinhar ’l hawn din l-amministrazzjoni daħħlet benefiċċji ġodda bħat-tapering tal-benefiċċji tal-qgħad u bħall-in-work benefit li llum jiswew €8.4 miljun u €2.2 miljun rispettivament.
Il-Gvern spjega li b’titjib fil-qagħda ekonomika ddaħħlu benefiċċji soċjali ġodda mingħajr żieda fil-piż tal-finanzi pubbliċi. Fl-2016 kien hemm 2,227 persuna li gawdew mill-in-work benefit u 3,060 persuna li qabel kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad illum ħarġu jaħdmu u għadhom jirċievu parti mill-benefiċċju li kienu jieħdu qabel.
Għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni l-Gvern seta’ jgħolli l-pensjonijiet tant li fl-2016 l-ispiża fuq il-pensjoni minima nazzjonali għoliet b’€4.8 miljun jew b’16% fuq is-sena ta’ qabel.
Fil-budget li għadda l-Gvern ħabbar pakkett soċjali qawwi li se jżid id-dħul ta’ dawk l-aktar fil-bżonn b’madwar €21 miljun permezz ta’ titjib fl-għajnuna supplimentari, fil-pensjonijiet, f’benefiċċji aħjar għall-persuni b’diżabilità u għall-carers.
22,000 pensjonant se jgawdu wkoll mit-tneħħija tat-tassazzjoni fuq l-ewwel €13,000 dħul mill-pensjoni tant li fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni Ewropea sostniet li l-budget għas-sena 2017 hu “targeted at social justice, in particular addressing social inequality and pro-actively targeting those in/at risk of poverty, with a particular emphasis on low income brackets and pensioners’’, u li dawn il-miżuri se jiswew 0.5% tal-ġid nazzjonali.
Il-Gvern qal fi stqarrija li l-galbu fit-tmexxija ekonomika jfisser li fis-snin li ġejjin aktar persuni fil-bżonn se jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn sabiex jiksbu livell ta’ għajxien aħjar.
Taħt din l-amministrazzjoni l-ġid se jkompli jasal għand kulħadd.