Fl-2016, inqatlu aktar tfal Sirjani minn kemm inqatlu fl-aħħar sitt snin ta’ kunflitt. Dan ifisser li s-sena l-oħra rat l-ikbar numru ta’ mwiet f’pajjiż li qed jaffaċċja gwerra, dan skont informazzjoni tal-UNICEF.
Minn tal-inqas 652 tifel u tifla mietu fl-aħħar tnax-il xahar, dan ifisser żieda ta’ 20% fl-2015. Madwar in-nofs ta’ dawn l-imwiet saru f’żona li fiha hemm skola jew fl-iskola stess. Ir-rapport ippubblikat mill-UNICEF jinkludu biss figuri verifikati, jiġifieri n-numru ta’ mwiet jista’ jkun akbar.
Tifel ċkejken ta’ sitt snin ġie kwotat jgħid li xtaq isir tabib, iżda l-iskola tagħhom ġiet attakkata u għalhekk fih nibet id-dubju li qatt xi darba se jingħata ċ-ċans li jgħix u jkompli jistudja. Huwa qal li kien jieħu gost ħafna jilgħab fil-grawnd tal-iskola, iżda llum il-ġurnata jibża jersaq l’hemm.
Ir-rapport juri li madwar 850 tifel u tifla ġew reklutati biex jiġġieldu fil-kunflitt. Dan in-numru huwa ddoppju meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. It-tfal intużaw biex jiġġieldu, kif ukoll f’każijiet estremi li jinkludu bomba suwiċida.
Ħaddiema tal-Unicef, spjegaw li kull tifel u tifla jibqgħu mbeżża’ tul ħajjithom kollha u l-konsegwenza tal-kunflitt jibqgħu jaffettwawhom f’kull ġurnata li jgħixu.