B’rata ta’ 66.1%, fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet pajjiżna kellu l-ogħla rata ta’ impjiegi qatt irreġistrata.
Din ir-rata hija wkoll ferm ogħla mid-59.5% irreġistrata fl-aħħar żmien ta’ amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt, tul din il-leġiżlatura sa issa, r-rata tal-impjiegi żdiedet iktar minn kemm kienet żdiedet bejn l-2000 u l-2013 magħduda flimkien.
F’Diċembru kien hemm kważi 193,000 persuna jaħdmu full time; żieda ta’ 11% fuq dawk li kienu jaħdmu fi tmiem l-2012.
Il-Labour Force Survey, pubblikazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, tindika ukoll li fl-aħħar kwart tal-2016, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, il-pagi żdiedu b’4.7%.
Dan fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 0.6% biss. B’kuntrast fl-aħħar sena taħt l-amministrazzjoni preċedenti il-paga medja kienet telgħet b’1.9% biss, fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 2.4%.
Skont l-NSO il-paga medja f’Diċembru 2016 kienet €17,666, meta f’Marzu 2013 din kienet €15,923.