Il-Gvern se jibda jwettaq waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-programmm elettorali tal-Partit Laburista hekk kif kull min jaħdem u jaqla’ sa €60,000 fis-sena se jirċievi bil-posta ċekk f’rifużjoni ta’ taxxa ta’ bejn €40 u €68.
Id-dettalji tal-iskema ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fejn spegja li din il-miżura se tħalli fil-bwiet tal-Maltin €11.4 Miljun, u biha min jaqla’ l-inqas jieħu l-ikbar rifużjoni ta’ taxxa.
Qal li kull min ħadem is-sena li għaddiet – kemm fuq bazi full-time kif ukoll fuq bazi part-time, u ħaddiema li ma jħallsux taxxa għax jaqilgħu inqas minn €12,000, se jirċievu ċekk skont id-dħul tagħhom.
Il-Professur Scicluna spjega kif se taħdem is-sistema tar-refużjoni tat-taxxa f’kull kategorija kemm f’każi ta’ komputazzjoni tat-taxxa komuni għal mara u r-raġel u kemm jekk ikun hemm komputazzjoni separata.
Ħaddiema single li jaqilgħu sa €15,000 se jiriċevu ċekk ta’ €60.
Dawk li jaqilgħu bejn €15,000 u €30,000 se jirċievu ċekk ta’ €50.
Ħaddiema single li jaqilgħu bejn €30,000 u €60,000 se jirċievu ċekk ta’ €40.
Ħaddiema miżżewġa bi dħul ta’ €20,000 se jirċievu ċekk ta’ €68.
Jekk jaqilgħu bejn €20,000 u €40,000 se jirċievu ċekk ta’ €56.
Ħaddiema miżżewġa bid-dħul ta’ bejn €40,000 u €60,000 se jirċievu ċekk ta’ €44.
Ġenituri li jaqilgħu sa €15,000 se jirċievu ċekk ta’ €64 ewro.
Ġenituri li jaqilgħu bejn €15,000 u €30,000 se jirċievu ċekk ta’ €52.
Filwaqt li ġenituri li jdaħħlu bejn €30,000 u €60,000 se jirċievu ċekk ta’ €40.
Ħaddiema li jaħdmu fuq bazi part-time se jieħdu ċekk ta’ €68.
Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern żamm mal-wegħda tiegħu u qed ikompli jifrex il-ġid ekonomiku fost il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Filwaqt li l-Gvern jixtieq li jaqta t-taxxa, ma jridx jagħmel kif kien isir fil-passat, li l-iktar wieħed li jaqla jagħtih l-ikbar rigal, u l-inqas wieħed li jaqla jispiċċa ma jaqla xejn.
Għaldaqstant, dawk li jaqilgħu aktar minn €60,000 mhu se jirċievu xejn, filwaqt li kull min jaqla’ inqas minn €60,000 se jaqilgħu iktar. Iċ-ċekkijiet se jibdew jintbagħtu mill-ġimgħa li ġejja.
Jekk ikun hemm persuni li jaħsbu li huma intitolati għaċ-ċekk u ma jirċevuhx jistgħu jċemplu għall-iktar informazzjoni fuq it-telephone – 153.
As promised prior to re-election, all #workers and those earning less than €60,000 will be receiving a first #tax refund. 200,000 people will be benefiting from a €11.4 million direct input to continue sharing in #Malta success. This is #Prosperity with a #Purpose -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) August 29, 2018