GreenPak Coop Society qed tmexxi servizz ta’ kuljum biex jinġabru fliexken tal-ħġieġ vojta fi tliet lokalitajiet. Dan qed isir fuq bażi ta’ prova sat-2 ta’ Ottubru. Is-servizz, disponibbli għall-bars u ristoranti matul il-Front, jibda bejn Manoel Island, jgħaddi minn The Strand, Qui-Si-Sana, Triq it-Torri, il-bajja tal-Balluta, u jibqa’ sejjer sat-telgħa ta’ Spinola.
GreenPak issieħbet mal-Kunsilli Lokali tal-Gżira, tas-Sliema, u San Ġiljan, flimkien mad-Dipartiment tas-Servizzi Tindif, biex tmexxi dan il-proġett pilota.
Fl-ewwel tliet ġimgħat inġabru aktar minn 20,000 flixkun vojt tal-ħġieġ permezz ta’ dan is-servizz speċjali.
“Fix-xhur tas-sajf, il-konsum ta’ xorb fil-bars u ristoranti jkun fl-ogħla tiegħu,” qal il-Kap Ezekuttiv ta’ GreenPak, Mario Schembri.
“Kienet sfida interessanti għalina li, għal dan il-proġett pilota, iffukajna fuq promenade mill-aktar prominenti f’Malta. Dan għaliex il-loġistika kellha tkun ibbilanċjata bl-aktar mod korrett. Qed immexxu dan is-servizz ta’ kuljum mingħajr ma naggravaw il-qagħda tat-traffiku f’dawn it-toroq, bl-inqas inkonvenjent possibbli għall-pubbliku, u bl-inqas effett fuq in-negozju għal dawn l-istabbilimenti. Dawn l-aspetti kollha kienu elementi importanti li qed nieħdu in kunsiderazzjoni waqt dan il-proġett pilota. GreenPak hi kuntenta ħafna li, bil-kollaborazzjoni mill-qrib ta’ msieħba oħra fil-proġett, dan qed ikun suċċess, filwaqt li qed nitgħallmu wkoll aktar lezzjonijiet siewja. Terġa’ aktar importanti minn hekk, permezz ta’ dan il-proġett, tunnellati ta’ skart qed ikunu riċiklati, u fl-istess waqt qed jitnaqqas iż-żibel mit-toroq.”
Is-servizz, li hu b’xejn, qed ikun ta’ kuljum u jsir fis-siegħa ta’ filgħodu, inklużi l-Ħdud.