Fil-Jum Dinji għall-Vista, riċerkaturi fl-Università ta’ Malta u Oftamologi mill-Isptar Mater Dei ħabbru li b’investiment ta’ €132,000, se jagħmlu studju konġunt fost 2,000 persuna bejn il-85 sena.
Studju li mistenni jagħti stampa dwar il-mard tal-għajnejn f’Malta, u se jaġġorna riċerka li saret tletin sena ilu minn Dr John Cachia dwar l-aktar kawżi komuni li jaffettwaw il-vista.
Dan qed isir biex titqajjem kuxjenza dwar il-prevenzjoni tal-mard li jista’ jikkawża nuqqas ta’ dawl.
Wieħed mill-imħuħ wara l-proġett, il-konsulent oftalmologu Francis Carbonaro, spjega kif l-istudju qed isir biex fost l-oħrajn pajjiżna jkun jista’ jantiċipa bidla fl-ammont ta’ kundizzjonijiet fl-għajnejn bħal kataretti fis-snin li ġejjin.
Dr. Carbonaro stqarr: “Qed nagħmlu dan l-istudy biex naraw kemm għandna Malta. Jekk tqis li operations tal-kataretti f’Mater Dei nagħmlu iktar minn 3,000 f’sena, issa jekk inkunu nafu kemm hemm minn dawn il-kataretti jew kemm ħa jkollna five, 10 years, 15 years oħra, dawn huwa importanti ħafna biex nippjanaw il-public health planning tal-pajjiż.”
Mr Carbonaro fisser li l-istudju se jitmexxa minn Dr David Agius u se jidħol f’ħafna dettall dwar l-istil tal-ħajja tal-persuna sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuna għandhiex xi mard fl-għajnejn jew jekk tinsabx f’xi riskju.
“Dawn in-nies jidħlu, għandna questionnaire u nsaqsuhom ħafna domandi fuq ħafna affarijiet. Xogħol, mediċini li jieħdu, dieta etc. u nagħmlu testijiet tal-għajnejn. Nieħdu ritratti tal-għajnejn, measurements tal-pressjoni, tan-nuċċali u dawn l-affarijiet imbagħad nieħdu swab għall-ġenetika wkoll. So minn dan l-istudy hemm ċans li nsibu anke mard li n-nies ma jkunux jafu li jkollhom”, tenna Dr. Carbonaro.
Il-konsulent ħeġġeġ lil dawk li se jirċievu l-istendina biex jattendu għal dan it-test.
“Jekk aħna nċemplulkom, jekk tistgħu tagħmlu ħilitkom biex tidħlu u tagħmlu dan l-istudy. Kulma jkun kważi nofsiegħa mill-ħin tagħkom, ħa jkollna parking l-isptar bil-vouchers li nagħtukom so inħeġġiġkom li jekk inċemplulkom tiġu, temm jgħid Dr. Carbonaro.
L-istudju huwa ffinanzjat mit-Trust tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvillupp, RIDT, fi ħdan l-Università ta’ Malta u l-Malta Community Chest Fund.