Fl-ewwel tmien xhur tas-sena, l-Uffiċjali fil-Komunità ħarġu kważi 1,900 taħrika ambjentali fil-konfront ta’ persuni li nqabdu jarmu b’mod illegali.
Fl-istess waqt il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru mad-disat elef tunnellata ta’ skart li ntrema b’mod illegali.
Dawn id-dettalji ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-l-Aġenzija LESA u d-direttorat tat-tindif. Intqal li f’Lulju u Awwissu waħdihom ingħataw aktar minn 900 taħrika ambjentali.
Is-Sur Ray Zammit, il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, spjega li dawn it-taħrikiet ivarjaw minn rimi ta’ skart b’mod illegali, għal rimi ta’ loqom sigaretti f’postijiet pubbliċi, ħruġ ta’ boroż ta’ skart domestiku fi ġranet mhux proprji u saħansitra anki qadi ta’ bżonnijiet sanitarji fil-pubbliku.
Fisser li għalhekk bdiet kampanja qawwija ta’ infurzar li ħalliet il-frott tagħha. Iżda, saħaq li fadal iżjed xi jsir hekk kif wara r-reklutaġġ ta’ 25 uffiċjal ġdid, fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għal iżjed uffiċjali fil-komunità.
Is-Sur Zammit spjega li “Għamilna żewġ calls għar-reklutaġġ u daħħalna 25 ruħ u issa ħa nerġgħu nagħmlu reklutaġġ ieħor bil-ħsieb li nifirxu mhux l-eco biss però l-eco bħalissa qiegħed it-top tal-agenda tagħna”.
Id-direttur ġenerali fi ħdan id-direttorat tat-tindif Ramon Deguara, spjega li tul din is-sena ġew identifikati żoni fil-pajjiż fejn kien hemm bżonn interventi ta’ Infurzar.
Fisser li dan sar permezz ta’ vetturi ġodda li akkwista d-dipartiment kif ukoll b’riżors umani ikbar.
Deguara stqarr “Li tmur tnaddaf biss ma naħsibx li hija s-soluzzjoni, li tista ssolvi l-problemi kollha. Allura rajna li jsir eżerċizzju ta’ infurzar ukoll”.
Spjega wkoll li tul ix-xhur tas-sajf id-direttorat ta għajnuna addizzjonali fi 33 belt u raħal biex dawn jiġu mgħejjuna jżommu l-indafa.
Fost dawn kien hemm San Pawl il-Baħar, fejn saħaq kif ix-xogħol ma’ jaqta’ xejn mid-direttorat beda’ jħalli l-frott.
Hu tenna li “Dik id-dehra ta’ telqa, fil-lokalità illum ġiet improved ħafna. Naħseb li s-servizzi li konna qed nipproponu aħna taw il-frott tagħhom”.
Fisser fost l-oħrajn li tul dan is-sajf minn San Pawl il-Baħar biss, inġabru mal-għaxar tunellati ta’ skart.
Deguara temm jgħid li “Issir frekwenza ta’ ġbir ta’ skart madwar il-lokalità, fejn madwar tmienja u għaxar tunellati kuljum ta’ skart f’din il-frekwenza. Min jgħidilna li ma kienx hemm bżonn ta’ servizz addizzjonali naħseb li l-figuri qegħdin jitkellmu waħidhom u juru li vera kien hemm bżonn ta’ dil-frekwenza addizzjonali ta’ tindif”.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jżid l-inforzar u jtejjeb il-livell ta’ għajxien għall-komunitajiet tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis faħħar l-impenn li għandhom l-uffiċjali tal-komunità li qegħdin jaħdmu id f’id mad-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni kif ukoll mal-Kunsilli Lokali sabiex ikollna pajjiż dejjem aktar nadif.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista appella għall-bżonn ta’ iktar kooperazzjoni mill-pubbliku biex josserva r-regolamenti u l-liġijiet attwali sabiex ilkoll ingawdu lil pajjiżna fl-aħjar stat possibli.