Madwar elfejn membru tal-Korp tal-Pulizija se jgawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar, permezz ta’ ftehim settorjali ġdid li ġie ffirmat bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp.
Il-ftehim settorjali mhux biss se jfisser żidiet fil-pagi u allowances, iżda anke benefiċċji oħrajn – bħal progress iżjed mgħaġġel fl-iskali.
Il-ftehim jirrikonoxxi wkoll li l-Pulizija jiltaqgħu ma’ bosta xenarji imprevedibbli u għalhekk l-uffiċjali se jkunu koperti bi protezzjoni legali b’rabta mal-ħidma tagħhom.
Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, permezz taż-żewġ unjins il-Police Officers’ Union, fi ħdan il-General Workers’ Union, u l-Malta Police Union, laqgħu b’sodisfazzjon dan il-ftehim, li ġie ffirmat minnufih wara li ntemm dak preċedenti.
Il-POU-GWU fissret il-ftehim bħala wieħed pożittiv, għax jirrikonoxxi l-Korp bħala pilastru kruċjali favur iż-żamma tal-ordni u jibni fuq ta’ qablu billi jtejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali kollha.
Qal, “Ir-rieda bejn kulħadd min kien preżenti biex nagħlquh. Kellna daqsxejn argumenti, tifimha, imma in the long run, dak kien l-għan, li nagħlquh u naslu.”
Il-Malta Police Union qalet li dan hu ftehim, li se jsaħħaħ il-kundizzjonijiet preżenti, u joffri bażi soda għall-futur.
Stqarr, “Li laqtitni lili, speċjalment, kienet li kien hemm l-appoġġ b’mod speċjali mill-amministrazzjoni tal-Pulizija, jiġifieri l-Kummissarju Angelo Gafà, id-DG, il-Gvern, kien hemm ir-rieda li naslu għal dan il-ftehim li llum ġie ffirmat.”
Meta fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinarji ltaqa’ ma’ uffiċjali u rekluti – li anke huma se jgawdu minn dan il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif l-investiment fl-uffiċjali tal-Korp hu investiment dirett f’ħaddiema li huma ta’ fejda u servizz għall-ġid komuni.
Waqt diskussjoni mal-uffiċjali tal-Korp, il-Prim Ministru sema’ dwar il-ħidma tagħhom u fehem l-importanza tat-taħriġ kontinwu, filwaqt li rrimarka li l-Gvern irid jibqa’ jagħti l-għodda permezz ta’ investiment kontinwu favur iż-żamma tal-ordni u l-ġid fil-komunità.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri u s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, u hu xhieda tal-impenn tal-Gvern li jinvesti fir-riżorsa umana ta’ pilastru importanti fis-sigurtà ta’ pajjiżna.