Bejn id-dsatax u t-tlieta u għoxrin ta’ Ġunju se ssir ir-raba’ edizzjoni tal-International Wine Festival.
Kemm jekk int espert, dilettant tal-inbid jew tinteressak ħarġa b’differenza, għadd ta’ importaturi u produtturi tal-inbid se jkunu qegħdin joffru selezzjoni wiesgħa ta’ inbid f’dan l-avveniment.
Fil-ġonna tal-Argotti fil-Furjana mistennija jkun hemm mal-mitejn tip differenti ta’ nbejjed, kemm lokali u anke barranin.
Fl-isfond tal-iljieli sajfin, li qed jikkargaw, tkellimna mal-organizzatur ta’ dan il-festival, Jonathan Pace qal li dan il-festival joffri xi ħaġa għal kulħadd, b’mużika u żfin u fuq kollox esperjenzi indimentikabbli għall-Maltin u turisti.
“Se jkun hawn spettaklu: artisti mhux lokali biss, fejn għadna talenti li aħna komplejna nistabbilixxu ġewwa Malta, però apparti minn hekk għandna wkoll artisti internazzjonali, fejn fil-ftuħ tal-Malta International Wine Festival nhar l-Erbgħa se jkun hawn il-Queen Tribute Band li hija rinomata ħafna ġewwa l-Ingilterra.”
Jonathan Pace – Organizzatur tal-Festival
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turizmu, Gavin Gulia, sostna li attivitajiet bħal dawn ikomplu jtejbu l-kwalità tal-prodott turistiku Malti, bit-turisti li mistennija jżuru Malta, din is-sena, jiżboq in-numri ta’ turisti li żaru Malta s-sena li għaddiet.
“Wasalna f’dan it-tragward, għalaqna rekord is-sena l-oħra, imma qed jirriżulta wkoll, anke din is-sena, li qegħda tkun aħjar mis-sena l-oħra. U dan ma jsirx b’kumbinazzjoni, it-turisti ma jaqgħux fis-sena, hija xogħol ta’ ħidma kbira fl-Awtorità tat-Turiżmu sabiex nirriklemaw aħjar lill-pajjiżna.”
Gavin Gulia – Chairman, MTA