Biex jitfakkar il-200 anniversarju ta’ Beethoven, il-Maestro Michael Laus se jmexxi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, flimkien ma’ membri mill-Orkestra taż-Żgħażagħ, fis-Sinfonija ikonika Numru 9 ta’ Beethoven.
Din l-aħħar sinfonija tal-kompożitur kienet rivoluzzjonarja għal kif tinkorpora s-solisti vokali u kor; xi ħaġa mhix tas-soltu fit-tradizzjoni sinfonika.
Is-sezzjoni korali, ispirata mill-Ode to Joy ta’ Friedrich Schiller, tesprimi messaġġ ta’ fratellanza u ferħ universali. Mal-orkestra jingħaqdu solisti rinomati barranin, is-soprano Elisabeth Breuer, il-mezzosoprano Theresa Kronthaler, it-tenur Patrick Reiter, u l-baxx Modestas Sedlevicius flimkien ma’ The New Choral Singers u l-Goldberg Ensemble.
Il-kunċert se jsir il-Ħadd filgħodu, it-3 ta’ Novembru, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt Valletta.
Wieħed jista’ jsib il-biljetti showshappening.com.