Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbru li Asciak Tennis Academy ser torganizza tournament internazzjonali tat-tennis għall-juniors tal-ogħla livell f’Malta għall-ewwel darba.
Dan il-kampjonat internazzjonali mistenni jġib lejn pajjiżna mal-200 player tal-juniors tat-tennis mill-kategoriji tal-Under 10 sal-Under 16. Il-players għal dawn il-kampjonati se jkunu ġejjin minn 35 pajjiż differenti mill-5 kontinenti akkumpanjati mill-kontiġenti rispettivi tagħhom. Dan it-tournament se jkun immexxi mit-team ta’ ‘Malta Cup by Ten Pro’ u se jitella’ bejn is-27 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu fil-Marsa Sports Club.
Il-Ministru Ian Borg tenna l-appoġġ tal-Gvern għal kull inizjattiva sportiva u faħħar lil Property Malta tal-kontribut finanzjarju li qed tagħti sabiex dan it-tournament ikun jista’ jseħħ. Huwa esprima wkoll l-impenn tal-Ministeru li jkompli jagħmel aktar investimenti favur faċilitajiet sportivi tal-ogħla kwalità.
“Dawn l-investimenti huma flus li qed imorru għand iż-żgħażagħ tagħna, għand l-atleti tagħna, investiment f’attitudni li tħaddan u tagħti importanza lill-prattika tal-isport. Se nkomplu ninvestu f’aktar faċilitajiet u b’dan il-mod se nkomplu naraw kif inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull faxxa tas-soċjetà tagħna, inkluż il-faxxa sportiva. Nawgura għal tournament mill-aqwa,” qal il-Ministru Borg.
Waqt l-inidirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li huwa ta’ unur għal Malta li se tkun qed tospita dan l-avveniment ta’ dan il-livell u li dan il-kampjonat qed ikompli jikkonferma l-investiment li qed jagħmel il-Gvern għat-tkabbir sportiv f’pajjiżna u li anke jikkontribwixxi fis-settur turistiku.
“Irridu nassiguraw li ż-żgħażagħ tagħna ma jħarsux lejn l-aspett akkademiku biss imma wkoll li issa għall-ewwel darba f’pajjiżna l-atleti li qed jieħdu l-edukazzjoni f’livell post sekondarju se jkollhom il-possibilta’ li jkunu akkreditati għad-dixxiplina sportiva bħala suġġett intermedjarju.” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.
It-Ten Pro torganizza madwar 14-il tournament madwar l-Ewropa, 3 fl-Istati Uniti u 1 fl-Awstralja li se jsir fl-2020.