Grazzi għall-apparat li nxtara sentejn ilu u li tqiegħed fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Floriana u l-Mosta, 1,200 persuna li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete ingħataw kura mmedjata għaz-zokkor fl-għajnejn. Kura kruċjali biex dawn il-persuni ma jispiċċawx jitilfu d-dawl ta’ għajnejhom.
Fil-fatt, minn dawn kien hemm madwar 200 pazjent li kellhom bżonn kura speċjali f’Mater Dei. Il-magna li permezz tagħha jsiru dawn it-testijiet jisimha Fundus Camera u nxtrat f’Awissu tas-sena 2014. Sa issa iktar minn 8,000 pazjent għamlu t-test.
Dawn id-dettalji ingħataw mill-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okazzjoni tal-Jum Dinji ddedikat lid-Dijabete. Kundizzjoni komuni fost il-Maltin, tant li tolqot mat-30,000 persuna.
Il-Ministru Chris Fearne qal li madwar sena ilu l-gvern beda jaħdem fuq pjan nazzjonali tad-dijabete.Pazjenti li twieldu bil-kundizzjoni tad-dijabete bdew jingħataw sticks.
Minn Jannar li ġej il-pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete ħa jerġa jkollhom diversi servizzi fosthom dak dentali, vista tal-għajnejn b’xejn, nuċċali b’xejn f’każ ta’ bżonn u antibiotiċi.
Huwa stmat li f’pajjiżna mal-10,000 persuna għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete u ma jafux.
Għaldaqstant l-Ministru Chris Fearne flimkien ma’ esperti mediċi elenekaw dwar l-importanza li jagħmlu t-testijiet neċessarji .