S’issa 200 persuna applikaw għall-iskema ta’ Equity Sharing, li grazzi għall-iskema ta’ Equity Sharing dawk li għandhom aktar minn 40 sena jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom.
Din hi skema li tapplika għal persuni li għandhom iktar minn 40 sena u li kawża ta’ realtajiet speċifiċi sabu diffikultà jixtru r-residenza tagħhom. Dan għax minkejja li kellhom xi ħaġa mfaddla ma kinetx biżżejjed biex il-bank jgħinhom jixtru proprjetà u għalhekk jintervjeni l-Gvern.
Fil-gazzetta Kullħadd il-Ministru Roderick Galdes saħaq li l-prijorità tiegħu se tkun il-ġustizzja soċjali u kull deċiżjoni li titieħed ser tkun ibbażata fuq hekk. Tenna wkoll kif l-akkomodazzjoni soċjali tibqa’ fil-prijorità assoluta ta’ dan il-Gvern u rridu nkunu aħna wkoll l-eżempju għas-suq privat. Dan b’impenn li qed jiffaċilita l-proċess ta kif aktar nies isiru sidien ta’ djarhom filwaqt li joffri stabbilità fis-suq tal-kera.
Qabel ġiet introdotta din l-iskema dawn il-persuni ma kellhomx alternattiva oħra ħlief li jikru minħabba d-diffikultà li jieħdu loan mill-bank. Illum lil din il-faxxa tas-soċjetà qegħda tiġi offruta l-opportunità li ssir sid ta’ darha wkoll. Fil-ġimgħat li ġejjin ser tiġi introdotta wkoll l-iskema għal żgħażagħ li jinsabu fi proċess sabiex jixtru l-ewwel residenza tagħhom.
Galdes tkellem ukoll fuq il-proġett pjanat fil-Fgura mmirat għal persuni li ma jikkwalifikawx għal housing soċjali liema proġett wassal għal 118 appartament ġdid bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk tas-suq privat li jibdew minn €300 u li ma jaqbżux il-€500.
Ix-xogħlijiet f’Ħ’Attard u Birkirkara, is-Siġġiewi, Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Kirkop jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel. Dan grazzi għal investiment ta’ aktar minn €100 miljun għal aktar minn 1,700 appartament filwaqt li permezz filwaqt li permezz tal-iskema Nikru biex Nassistu qegħdin inġibu wkoll stokk ta’ akkomodazjoni soċjali mill-privat.
Il-Ministru Galdes temm jgħid li s-sodisfazzjon tal-ħidma tiegħu jiġi minn dawn il-mumenti u li hija l-akbar raġuni għalfejn jaħdem qatigħ u jistinka ta’ kuljum sabiex aktar familji jimxu ’l quddiem.