Fl-ewwel jumejn mill-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid ta’ Ħal Kirkop aktar minn 400 persuna għamlu użu mid-diversi servizzi offruti minn dan iċ-Ċentru mill-bidu tal-ġimgħa li għaddiet. Madwar nofs dawk li ngħataw xi forma ta’ servizz kienu bl-appuntament, li jfisser medja ta’ 100 appuntament kuljum. Madwar 200 persuna oħra rrikorrew għal servizzi oħrajn li għalihom ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ appuntament.
Mitlub jikkummenta dwar dan, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal lil din il-gazzetta li “għalkemm qegħdin nitkellmu fuq jumejn biss diġà huma indikazzjoni biżżejjed tal-bżonn li kien hemm ta’ dan iċ-Ċentru għal dan ir-reġjun u tal-kumdità offruta u provduta lil dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi.”Sadattant waqt li n-nies tar-reġjun konċernat qegħdin jinqdew b’aktar kumdità u f’inqas ħin, se jkun qed jonqos mhux ftit il-piż li kien qiegħed iġorr iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fejn kien ikollhom jirrikorru dawk li issa bdew jagħmlu użu miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop. Faċilment seta’ jkun innutat li mill-ġimgħa li għaddiet il-piż fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana naqas b’mod notevoli meqjus il-fatt li issa madwar 28,000 persuna residenti fi tmien lokalitajiet, Ħal Far, Ħal Farruġ, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Luqa, l-Imqabba, il-Qrendi u ż-Żurrieq, se jkunu jistgħu jużaw is-servizzi offruti miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop.
“Il-Gvern huwa kommess li jkollna titjib sinifikanti fil-qasam tal-kura primarja. Sfortunatament dan huwa qasam li kien tħalla jaqa’ lura u kien ilu snin twal ma jsir investiment fih. Biżżejjed jingħad li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop huwa l-ewwel wieħed f’dawn l-aħħar 20 sena u huwa prova ċara tal-impenn tagħna fil-qasam tas-saħħa. Ċentru tas-Saħħa li huwa ħolqa minn katina ta’ servizzi u ta’ proġetti ġodda fil-qasam tal-kura primarja,” qal lill-ġurnal id-Deputat Prim Ministru.
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop jipprovdi 17-il servizz li jkopru tabib, kura tal-feriti, tilqim tat-tfal, klinika tal-konsulent mediku, kura tal-għadam, fiżjoterapija, riċetti tal-mediċini, saħħa mentali, saħħa tat-trabi, kamra tal-kura, klinika tad-dijabete, elettrokardjogrammi, kura tal-għajnejn, saħħa tal-mara, kura tas-saqajn, teħid tad-demm u patoloġija fil-lingwa mitkellma.
L-appuntamenti li l-pazjenti tat-tmien lokalitajiet konċernati kellhom maċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana nqalbu għaċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop filwaqt li tqassam fuljett dettaljat fid-djar tar-residenti li fih hemm l-informazzjoni kollha li jistgħu jiġu bżonn.
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, b’investiment ta’ kważi miljun ewro, kien inawgurat uffiċjalment mill-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru, 2018, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.