Bħalissa, pajjiżna qed jospita 200 atleta tal-Badminton, minn 40 pajjiż differenti għal turnew internazzjonali, li għall-ewwel darba qed isir f’Malta.
Barra minn hekk qed jipparteċipaw ukoll 15-il atleta lokali.
Dan it-turnew, organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Badminton b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, huwa mifrux fuq 4 t’ijiem u se jiġi fi tmiemu nhar il-Ħadd.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Badminton Owen Grech, żaru l-atleti fil-Padiljun Nazzjonali tal-Isport fil-Kottonera.
Il-Ministru Grima spjega kif dan hu frott l-investiment li qed isir fis-settur. Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu fid-dawl li pajjiżna jservi ta’ hub sportiv u jkompli jikber it-turiżmu sportiv.
Grech spjega li dan qed ikompli jrawwem iktar interess għal din il-logħba fost atleti żgħar.