F’seduta, li ma ħaditx iżjed minn siegħa, għoxrin rappreżentant minn daqstant banek differenti rreġistrati f’pajjiżna taw ix-xhieda tagħhom, waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ bosta persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet u l-inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Dawn ir-rappreżentati kellhom jikkonfermaw jekk il-banek qattx kellhom kontijiet tal-kumpaniji Kasco Engineering Company Ltd jew MTrace plc irreġistrati magħhom. Waqt li tmintax wieġbu fin-negattiv, l-HSBC u l-BOV wieġbu fil-pożittiv.
F’din is-seduta wkoll, il-Maġistrat Rachel Montebello talbet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq xhieda kemm jista’ jkun malajr biex tibgħat l-atti lill-Avukat Ġenerali. Fost dawk li l-Prosekuzzjoni mistennija tħarrek biex jixhed hemm l-eks Ministru Chris Cardona.
Wara dan l-istadju, imbagħad, ikun imiss li jixhdu l-esperti barranin li kienu tqabbdu fl-inkjesta Vella.
Il-każ jissokta fit-8 t’Awwissu.