David Bonnici ta’ 45 sena ġie kkundannat għoxrin xahar ħabs wara li weġġa’ ħafif lil missieru.
Il-każ imur lura għal-lejl ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Mejju li għadda fil-limiti ta’ Ħ’Attard.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke l-imputat ġie mixli li kkaġuna biża’ lil missieru, ħebb għalih u inġurjah, filwaqt li kiser kundizzjoni imposta fuqu minn Qorti preċedenti.
L-imputat, li għandu problemi ta’ droga, imġieba u rabja ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ntqal kif l-imputat ma sfruttax diversi opportunitajiet li ngħataw lilu sabiex jindirizza l-problema tad-droga li għandu.
Għaldaqstant, il-Magistrat Clarke bagħtet lil Bonnici għoxrin xahar ħabs filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin u ta’ trattament għal tliet snin fil-konfront ta’ imputat, b’diversi kundizzjonijiet.