Seftura li serqet €5,000 f’ġojellerija mingħand il-familja li kienet taħdem għaliha, ingħatat sentenza ta’ 20 xhar priġunerija effettivi wara li ammettiet il-ħtija tagħha, fil-Qorti nhar it-Tlieta.
Graziella Debono, ta’ 47 sena minn Raħal Ġdid ġiet mixlija b’serq aggravat u li kienet riċediva. Dan wara, li l-familja li kienet taħdem magħha, qalet li fl-aħħar jiem tal-impjieg tagħha, hija serqet diversi oġġetti ta’ valur.
Fix-xhieda tagħha, waħda mill-vittmi qalet li l-imputata kienet sabitha fuq Facebook, u kienet impjegatha sabiex tnaddfilha d-dar darba f’ġimgħa, waqt li ħadd ma kien ikun fir-residenza.
Intqal li ma kien tqanqal ebda suspett fl-imputata, sakemm darba, meta fetħu kexxun li ma tantx kien jinfetaħ, fejn instabet xi ġojellerija nieqsa.
Meta sid id-dar tqanqlilha suspett, hija qalet lil Debono sabiex tirrapporta għax-xogħol f’ġurnata fejn tkun tista’ ssegwiha – b’Debono tgħid li kienet waqgħet tliet sulari, weġġgħet sieqha u mhux se tkun tista’ tirrapporta għax-xogħol.
Minn stħarriġ li sar, irriżulta, li hija kienet biegħet l-oġġetti misruqa lil ħanut tal-ġojellerija – għal prezz ta’ €1,135.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset li fil-passat, Debono kienet ġiet mixlija b’reati simili – u minkejja li kellha l-opportunità li tirritorna l-oġġetti misruqa lura, hija m’għamlitx dan.
Minbarra s-sentenza li ingħatat, il-Qorti ordnatilha wkoll biex tħallas lura lill-vittmi fi żmien sena.