20% ta’ dawk li jagħmlu użu mill-midja soċjali jagħmlu dan għal aktar minn 4 sigħat kuljum. Dan ħareġ minn studju ta’ Rethink li ġie ppreżentat mill-Ewro Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba.
Ftit aktar minn 82% fil-mija ta’ dawn il-persuni jemmnu wkoll li huma vvizzjati għall-istess pjattaformi li jqattgħu s-sigħat fuqhom. L-aktar pjattaforma popolari tidher li hija dik ta’ Facebook fejn imbagħad segwa Instagram.
F’konferenza mis-sala tal-Università l-antika fil-Belt, Agius Saliba kompla jispjega li 93% ta’ dawk li għandhom profili fuq il-midja soċjali jagħmlu użu minnhom kuljum.
Kważi 80% li jagħmlu użu mill-midja soċjali jagħmlu dan sabiex iżommu kuntatt mal-qraba u ħbieb filwaqt li kważi 57% jagħmlu użu mill-midja soċjali sabiex iżommu lilhom infushom aġġornati.
Alex Agius Saliba kompla jispjega li minn dan l-istudju ħareġ li kważi kwart tal-popolazzjoni ma tagħmilx użu mill-midja soċjali. Minn dawn, il-maġġoranza tan-nies huma dawk li m’ghandhomx livell terzjarju ta’ edukazzjoni.
L-Ewro Parlamentari Laburista kompla jispjega li ftit aktar minn 62% tal-persuni li jużaw il-midja soċjali jgħidu li l-privatezza hija importanti ħafna għalihom. Madankollu minn dawn kienu biss 10% li qalu li jaqraw il-ftehim ta’ privatezza tas-siti soċjali u 72% qalu li jinjorawh totalment.
F’kummenti ma’ ONE News, Agius Saliba spjega li minkejja li ħafna għandhom għarfien dwar l-importanza tal-privatezza huma ftit li jaqraw l-kundizzjonijiet imposti mis-siti.
L-Ewroparlamentari stqarr, “Għalkemm għandna aktar minn 90% ta’ dawk li jużaw il-pjattaformi diġitali li huma aware tal-privatezza tagħhom, meta qed immorru għal sitwazzjoni ta’ arranġamenti u agreements dwar il-privatezza, ħafna minnha mhux isegwuha.”
Intant, stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li kważi 9 minn kull 10 persuni bejn is-16 u l-74 sena użaw l-internet tul is-sena l-oħra. L-istess studju wera wkoll li ż-żgħażagħ kollha bejn is-16 u l-24 sena użaw l-internet tul is-sena li għaddiet.