Għoxrin uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru l-Greċja ħalli jkunu ta’ għajnuna għall-awtoritajiet Griegi f’ħidma li għaddejja biex jintfew nirien li ħakmu l-pajjiż.
II-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u d-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro spjegaw li wara li 32 uffiċjal għenu fid-diżastru li ħalla t-terremot fit-Turkija, issa kien imiss li 20 uffiċjal Malti jagħtu sehemhom fil-Greċja, għall-ewwel darba f’ħidma ta’ tifi tan-nar.
Camilleri semma t-taħriġ u l-investiment qawwi li sar, anki fl-għodda tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa qal li saru passi ta’ ġgant fil-Protezzjoni Ċivili, minn dipartiment li ma tantx kien armat biex jassisti għal Dipartiment li mhux biss jeċċella f’pajjiżna iżda qed jgħin lill-popli oħra ’il barra mill-pajjiż.
“Din id-darba kellna talba mill-Gvern Grieg fejn qed nagħmlu użu mill-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili fejn tim tal-Protezzjoni Ċivili se jkun il-Ġreċja matul il-ħmistax-il jum li ġejjin sabiex jassisti f’wild fires u anka permezz tagħhom mhux biss se nkunu qed nassistu f’nirien iżda wkoll il-ħaddiema tagħna se jkollhom iċ-ċans li jieħdu taħriġ li se jkun bżonnjuż.
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li sa mill-bidu ta’ din is-sena, fil-Greċja, feġġew iktar minn 5,200 nirien qawwija fil-kampanja, u nqerdu 1250 ettaru ta’ kampanja rurali. Huwa saħaq li Malta irċeviet talba għall-għajnuna diretta mill-Protezzjoni Ċivili Griega, minħabba l-fatt li l-pumpiera Maltin huma mill-istess reġjun, jifilħu jaħdmu fis-sħana tas-sajf Mediterranju.
Sadanittant, uffiċjali fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili spjegaw il-ħidma li se jkunu qed iwettqu.
“Hemmhekk aħna se nkunu qed ngħinu lill-kollegi tagħna griegi jirrispondu għall-forests fires li jista jkun hemm. Din il-prepositioning se tkun ta’ għajnuna għalina biex aħna nsaħħu l-għarfien tagħna fuq forests fires kif ukoll nagħmlu exchange of expert. X’ħin niġu lura ħa ngħaddu l-informazzjoni lil sħabna biex intejbu il-capacity u l-operat tagħna biex inkunu nistgħu nirrispondu aħjar għal nirien li jistgħu jinqalgħu.”
Fin-nuqqas ta’ dawn l-uffiċjali, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħaseb għal kontinġenza fl-operat tiegħu b’230 uffiċjali oħrajn li se jibqgħu joperaw b’mod normali f’pajjiżna.