Mal-mitt jum mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ammetta li r-Russi għandhom taħt il-kontroll tagħhom 20 fil-mija tal-pajjiż.
Zelensky, li kien qed jindirizza l-parlament ta’ Lussemburgu, qal li ż-żona taħt il-kontroll tar-Russi hija akbar mill-Belġju, in-Netherlands u Lussemburgu f’daqqa.
Hawn tenna l-appell tiegħu għas-sapport mill-kumplament tad-dinja, qal li jekk l-Ukrajna tirbaħ il-gwerra, l-Ewropa kollha tibqa’ ħielsa.
Fi kliemu, Zelensky ta’ x’jifhem li l-President Russu, Vladimir Putin, qed jimmira li jeqred il-libertà fl-Ewropa, u fisser dan bħala żmien ikrah għall-kontinent Ewropew.
Bħalissa, il-forzi Russi qed jiffukaw l-attakk tagħhom fil-Lvant tal-Ukrajna, wara li fallew milli jaħtfu l-kapitali Kiev fil-bidu tal-invażjoni.