Fl-2015, madwar 2000 persuna kellhom bżonn jidħlu l-isptar minħabba problemi serji ta’ saħħa mentali, fil-maġġor parti għal perjodu ta’ mhux aktar minn 15-il ġurnata. Ħafna minnhom fittxew l-għajnuna jew qablu li jidħlu l-isptar.
Minkejja dan, 400 persuna iddaħħlu kontra l-volonta` tagħhom minħabba s-severita’ tal-kundizzjoni tagħhom. Dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-ħafna oħrajn li jsofru fil-kwiet mingħajr ma jfittxu l-għajnuna. Dawn mhumiex numri imma persuni, familji u individwi li jistgħu jkunu qrib tagħna.
Fi kliemu l-Kummissarju għas-saħħa Mentali, Dr John M. Cachia fisser kif soċjeta` li tirrispetta lilha nnifisha trid ‘taħseb’ dwar is-saħħa mentali kuljum u kif nvestiment fis-saħħa mentali huwa investiment fis-sod.
L-Organizzazzjoni għall- Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) tistma li n-nefqa totali fis-saħħa mentali tista’ taqbeż l-4% tad-dħul gross domestiku (GDP). Minbarra l-ispiża diretta f’ servizzi tas-saħħa u soċjali, il-problemi tas-saħħa mentali jgħollu l-ispiża biex tikkura problemi oħra tas-saħħa.
Hemm ukoll spejjeż indiretti li wieħed irid jikkonsidra fosthom dawk ta’
- nuqqas ta’ impjieg,
- assenteiżmu mill-post tax-xogħol
- preżenteiżmu (li wieħed imur għax- xogħol imma ma jkunx produttiv).
Hemm l-ispejjeż sostanzjali ta’ dawk li jieħdu ħsieb persuni bi problemi ta’ saħħa mentali bħall-ġenituri, is-sieħeb jew sieħba u qraba, filwaqt li wieħed ma jistax ikejjel it-tbatija emozzjonali w uġigħ minħabba l-istigma fuq il-pazjent, il-familja u dawk viċin tiegħu.
Hu għalhekk importanti ħafna li wieħed jara x’inhuma l-prijoritajiet biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar. L-ewwel prijorita’ hi tas-Saħħa Mentali tat-Tfal, Adoloxxenti u Żgħażagħ. Il-Kummisarju tas-saħħa spjega li problemi ta’ saħħa mentali li ma jiġux ikkurati fiż-żogħżija ikollhom impatt sever fuq l-iżvilupp personali u soċjali, itellef liż-żgħażagħ milli jilħqu livell edukattiv adekwat u jnaqqas il-potenzjal għal ħajja produttiva b’detriment ta’ konsegwenzi negattivi tul ħajjithom. Sfidi oħra huma l-istigma, l-iżolament u d-diskriminazzjoni.
Li wieħed jaqbad il-problema kmieni toffri ħafna vantaġġi, biss dawn ħafna drabi huma mxekkla minħabba nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk edukattivi. Din hi r-responsabbilta` tal-ġenituri, kif ukoll tal-professjonisti fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni li jiltaqgħu mat-tfal sa minn eta` żgħira.
It-tieni prijorita’ hi saħħa mentali aħjar fuq il-post tax-xogħol.
20% tal-persuni li jaħdmu ikunu għaddejjin minn xi problema ta’ saħħa mentali fil-waqt li hu stmat li nofs il-ħaddiema jesperjenzaw xi problema ta’ saħħa mentali tul il-ħajja tax-xogħol.
Minn iħaddem irid jifhem li bħal fil-każ ta’ mard ieħor, persuni bi problema ta’ saħħa mentali jista’ jkollhom bżonn ta’ perjodu ‘l bogħod mix-xogħol biex wara jerġgħu lura u jkomplu fejn ħallew.
Dr Cachia appella li kemm l-impjegati kif ukoll minn iħaddem għandu jaħdem għat-tisħiħ tal-aġenda għal Saħħa Mentali tajba fuq il-post tax-xogħol. Jeħtieġ miżuri li jinkludi il-promozzjoni attiva għal saħħa mentali aħjar, l-assessjar kontinwu ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema, sabiex jinqabdu kieni s-sitwazzjonijiet li jwasslu għal stress u problemi oħra ta’ saħħa mentali u tittieħed l-azzjoni meħtieġa f’waqtha.
It-tielet prijorita’ hi l-promozzjoni attiva u pożittiva għal saħħa mentali aħjar u kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu innifsu fuq livell individwali, bħala familja, organizzazzjoni u komunitajiet.
Dan ifisser li wieħed irid jitgħallem jistrieħ, isib b’mod regolari mezzi ta’ kif jirrilassa u jieħu pjaċir, mezzi biex wieħed jegħleb l-istress u jara kif ma jkunx sors ta’ stress fuq ħaddieħor. Jinħtieġ interventi biex iteju l-għarfien dwar is-saħħa mentali immirati lejn gruppi li huma f’riskju ogħla u l-pubbliku in ġenerali.
Ir-raba’ prijorita hija r-riforma fis-servizzi tas-saħħa mentali biex jiżdied is-sapport fil- komunita’. Dan iwassal biex il-persuni jerġgħu lura d-dar fi żmien iqsar u jkunu segwiti skond il-ħtieġa. Servizz ta’ emerġenza psikjatrika b’tim speċjalizzat għandu jopera 24 siegħa kuljum, sebat’ ijiem fil-ġimgħa, u joffri servizz fl-isptar kif ukoll fil- komunita’.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-prijoritajiet jiħtieġ investiment qawwi kemm finanzjaru kif ukoll f’riżorsi umani flimkien ma’ bidla radikali fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali. L-ekonomija, is-sostenibilita’ u s-suċċess tagħna bħala nazzjon jiddependu prinċipalment jekk mhux totalment fuq ir-riżorsa umana b’saħħitha.
Li s-saħħa mentali tkun parti minn dak kollu li nagħmlu u li naħsbu kuljum mhux kapriċċ imma hija prijorita’ politika nazzjonali.