L-2023 hija s-sena li matulha Malta u l-Liechtenstein qed jikkommemoraw l-20 anniversarju minn meta ġew stabbiliti r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan kien diskuss waqt laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Edukazzjoni u Sport tal-Liechtenstein Dominique Hasler li tinsab f’Malta għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Il-Ministru Borg irringrazzja lil Liechtenstein tal-appoġġ tagħhom għall-fondi mill-EEA & Norway Grants. Huwa sostna kif dawn il-fondi għenu sabiex ikomplu jissaħħu s-setturi soċjali u kulturali f’pajjiżna u jħares ’il quddiem biex fiż-żmien li ġej ikun konkluż il-programm li jmiss.
Il-Ministri tkellmu dwar kooperazzjoni fis-settur tal-kultura, l-edukazzjoni, it-turiżmu, id-dinja tal-films, xjenza u ICT, fost oħrajn. Ġiet diskussa wkoll il-kooperazzjoni fuq bażi multilaterali.
Il-Ministru Hasler sostniet li minkejja ċ-ċokon taż-żewġ pajjiżi xorta waħda kollaborazzjoni b’saħħitha tista’ twassal għal riżultati konkreti b’risq iċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi rispettivi.