Is-sena 2020 timmarka l-20 sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Kreattività ġewwa l-Fortizza ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta. Dan l-ispazju qiegħed joffri pjattaforma unika sabiex fiha mhux biss nesponu imma nkattru il-kreattività artistika f’pajjiżna. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, waqt żjara li għamel, sostna kif Spazju Kreattiv qiegħed f’punt kruċjali, dak li tinbena viżjoni għas-snin li ġejjin.
Il-Ministru Herrera saħaq kif, apparti li jemmen fil-potenzjal ta’ dan il-post u l-għanijiet tiegħu, hemm bżonn li nsaħħu l-identità ta’ Spazju Kreattiv, u dan bl-għan li nilħqu udjenzi ġodda. Sostna wkoll li importanti li nkomplu nuru l-apprezzament lejn il-kreattività u nixprunaw dan il-qasam tal-arti kontemporanja, kif ukoll dak tal-wirt kulturali intanġibbli.
Waqt l-intervent tiegħu, ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai saħaq li Spazju Kreattiv joħloq madwar 120 proġett fis-sena li jinkludu tipi ta’ arti differenti, fosthom arti viżiva, teatru, ċinema programm ta’ residenza għall-artisti, kif ukoll diversi festivals, b’ŻiguŻajg fost l-aktar popolari mat-tfal. Huwa qal li f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol, kemm fil-qasam ta’ spazji kreattivi, kif ukoll dak infrastrutturali tal-post innifsu, li għandu daqs ta’ sitt elf u ħames mitt metru kwadru. Hekk kif għeluq l-għoxrin sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni qed tiġi ċċelebrata matul din is-sena, iċ-Chairman jisħaq li huwa mument ta’ riflessjoni u viżjoni għas-snin li ġejjin.
L-istrateġija u l-viżjoni prinċipali tal-Fondazzjoni tibqa’ dik ta’ katalist ewlieni fil-qasam tal-kreattività għall-familja kollha. Mill-att infrastrutturali, elenka l-proġett kapitali ta’ konċessjonarju, li jinvolvi ristorant b’kunċett innovattiv b’catering ġdid fil-Kavallier ta’ San Ġakbu li se jitħabbar fix-xhur li ġejjin. Il-futur għal Spazju Kreattiv huwa wieħed impenjattiv u ottimist fejn se jkompli bl-investiment fil-programm ta’ Spazju Kreattiv innifsu u se titkattar n-niċċa tal-avvenimenti li torbot mal-aspirazzjoni għal proġett infrastrutturali ambizzjuż u strateġiku ieħor fil-belt Valletta, temm jgħid iċ-Chairman Rupert Cefai.
Il-Ministru Herrera żar ukoll l-esebizzjoni li qiegħda titella fi Spazju Kreattiv bit-titolu ‘Art+Feminism’, li issa daħlet fit-tielet sena tagħha. Din il-wirja hija magħmula minn diversi esibizzjonijiet kurati bi preżentazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ arti b’firxa ta’ artisti li testendi fuq tliet ġenerazzjonijiet, minn talenti stabbiliti għall-oħrajn emerġenti. L-esebizzjoni tindirizza d-differenza fil-ġeneru, filwaqt li tiffoka fuq ix-xogħol ta’ artisti femminili u l-kontribuzzjoni tagħhom għax-xena tal-arti Maltija. Ix-xogħlijiet juru approċċ wiesa’ dwar it-tema tal-esibizzjoni, bl-użu ta’ midja u metodi ta’ preżentazzjoni differenti.