L-għoxrin resident fil-Komunità Santa Marija f’Ħal Luqa, li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni għall-vizzju tad-droga, qed jaħmu figolli biex jiġbru flus għal tfal vulnerabbli.
Fil-fatt, dawn ir-residenti flimkien mal-ħaddiema fl-istess dar, filwaqt li qed jaħdmu fuqhom infushom biex jegħlbu l-vizzju tad-droga, qed jieħdu sehem ukoll f’inizjattiva biex jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà.
F’festa pubblika, crew ta’ ONE News żar din id-dar, fejn sab lir-residenti jippakkjaw figolli friski li kienu għadhom kif ħmew, ġo kaxxi, biex ikunu jistgħu jinbiegħu lill-ħaddiema tas-Sedqa, tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u lill-familji tagħhom.
Brian Camilleri, Manager tas-Servizzi Residenzjali fi ħdan Sedqa, spjegalna kif din l-inizjattiva ilha ssir internament, iżda din is-sena kompliet tikber u kien hemm talbiet għall-figolli anki minn kumpaniji li jaħdmu mill-qrib mal-FSWS.
Qal, “Aħna hawnhekk naħdmu bħala komunità, jiġifieri filwaqt li ftit residenti jkunu nqalgħu mill-istruttura tagħhom biex jaħdmu fuq dawn il-figolli, flimkien mal-istaff, il-kumplament tar-residenti jkunu qed jippreparaw id-dar, jippreparaw l-indafa, il-kċina, ikunu qed isajru għalihom, hija effort għall-komunità kollha għax biex tagħmel ċertu ammont ta’ figolli trid ħafna ħin u bħala komunità, din hija opportunità anki biex ir-residenti jagħmlu ftit teamwork, jingħaqdu flimkien, jissapportjaw lil xulxin u xi ħaġa importanti ħafna, hija opportunità għar-residenti to give back.”
Fil-fatt, il-flus miġbura mill-figolli li qed jaħmu dawn ir-residenti, qed imorru f’fond tas-Sedqa li jgħin persuni bil-vizzju tad-droga, u f’fond li jgħin tfal vulnerabbli.
Dan il-prinċipju ta’ ġenerożità jmur id f’id mal-valuri li jsawru l-programm residenzjali tas-Sedqa f’din id-dar, li mifrux fuq erbatax-il xahar, iħaddan idea ta’ komunità, relazzjoni mal-oħrajn, u terapija.
Qal, “Huwa mod kif ir-residenti jingħaqdu, huwa mod kif ir-residenti jgħinu lil xulxin, jgħinu lil ħaddieħor, jagħtu lura, iħossuhom tajjeb anki għax issa mhux biss qed jirċievu imma jagħtu lura, so tiffittja perfettamet. Bħala kunċett tal-programm huwa mibni fuq prinċipji u valuri relatati ma’ dawn l-affarijiet, so xi ħaġa bħal din hija perfetta.”
Kull min għadu ma xtarax il-figolli, jista’ jordnahom minn din ir-residenza biex fl-istess waqt, ikun qed jgħin tfal vulnerabbli u jkun ta’ appoġġ għal dawn ir-residenti.
Min jixtieq jixtri l-figolli mill-Komunità Santa Marija, jista’ jibgħat e-mail fuq csr.fsws-headoffice@gov.mt, jew iċempel jew jibgħat SMS fuq 79404919.