Fi żmien tmien xhur minn mindu ddaħħlet liġi li tirregola l-użu tal-kannabis għal skopijiet ta’ mediċina, Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala leader globali fl-industrija tal-produzzjoni ta’ din il-mediċina u anke riċerka għal applikazzjonijiet mediċinali ġodda.
Il-gazzetta KullĦadd kkonfermat li l-Malta Enterprise, flimkien mal-Awtorità tal-Mediċina, ipproċessaw madwar 20 applikazzjoni ta’ kumpaniji li jridu jibdew jipproduċu din il-mediċina minn Malta. Kumpaniji oħrajn qed juru interess li jagħmlu r-riċerka fuq din il-mediċina f’Malta inkluż biex jistudjaw kif din il-mediċina tista’ tfejjaq kundizzjonijiet mediċi ġodda. Dan jista’ jsir wara li l-Gvern għadda liġijiet li jiftħu niċċa ekonomika ġdida li se tkun qed tħaddem madwar 400 persuna fuq medda ta’ tliet snin. Malta se tkompli tistabbilixxi ruħha bħala leader f’dan il-qasam matul din il-ġimgħa meta se jkunu qed jaslu f’Malta kapijiet eżekuttivi, tobba u l-aqwa mħuħ u riċerkaturi fil-qasam tal-kannabis għall-użu mediku f’konferenza ta’ jumejn, li se tkun indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat u li se ssir bejn l-20 u l-21 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Din il-konferenza, Medical Cannabis World Forum, qed tattira interess kbir u mistennija jaslu f’Malta mijiet ta’ persuni mid-dinja kollha fl-industrija.
F’din il-konferenza se jitkellmu professjonisti f’oqsma mediċinali, riċerkaturi u business leaders mid-dinja kollha, mill-Kanada, mir-Renju Unit, mill-Ġermanja, minn Iżrael, minn Malta u mill-Amerka t’Isfel. Fost il-kelliema kkonfermati se jkun hemm il-President ta’ Aphria li hija waħda mill-ikbar ħames kumpaniji tal-kannabis medika fid-dinja. Din il-konferenza qed issir fi żmien meta Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala ċentru Ewropew għall-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediku u se tkompli tkabbar l-industrija tal-farmaċewtika f’Malta li tħaddem iktar minn 1,000 persuna f’Malta u f’Għawdex.
F’riċerka li ġiet ippubblikata f’Novembru tal-2017 bit-titlu European Cannabis Report, jingħad illi l-Ewropa se tkun l-ikbar suq ta’ kannabis medika fid-dinja. Din il-pubblikazzjoni tgħid ukoll li l-kannabis medika se tkun l-ikbar fattur ta’ tkabbir għall-kumpaniji tal-farmaċewtika matul l-10 snin li ġejjin. Skont rapport ieħor, illum is-suq tal-mediċina mill-kannabis huwa stmat li jiswa’ madwar €2 biljun.