Fl-aħħar sigħat, feġġew 20 każ ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 1,288 test, biex in-numru ta’ persuni nfettati f’Malta tela’ għal 370.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li għaxra minn dawn il-każijiet huma immigranti rġiel fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, li jinsabu fi kwarantina u f’iżolament, u li ġew ittestjati f’ħidma ma’ membri mill-assoċjazzjoni tas-salib l-aħmar.
Hija spejgat: “Għamilna testijiet fuq għaxra min-nies random u 7 minnhom ħarġu li huma pożittivi. Għamilna wkoll testijiet fuq nies li kienu kwarantina li kienu kuntatti u tlieta ħarġu pożittivi.”
Fost l-għaxar każijiet l-oħra hemm l-anzjan ta’ 84 sena li ddaħħal l-isptar il-Ġimgħa filgħaxija, u miet is-Sibt filgħodu fl-Isptar Mater Dei.
Irriżultaw pożittivi Albaniża ta’ 31 sena li tgħix Għawdex u taħdem bħala cleaner fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u Għawdxija ta’ 30 sena li wkoll taħdem fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħala carer. Din tal-aħħar ma kellhiex sintomi imma sarilha test bħal parti mill-iscreening li qed isir fl-isptarijiet.
Irriżultat pożittiva wkoll Maltija ta’ 42 sena li taħdem bħala carer fl-Isptar Karin Grech u bdiet bis-sintomi fil-5 ta’ April.
Hemm ukoll Maltija ta’ 32 sena li bdiet bis-sintomi fis-7 ta’ April, u li taħdem bħala careworker fil-komunità.
Każ ieħor huwa ta’ Maltija ta’ 63 sena, li ma marritx għax-xogħol meta bdiet bis-sintomi.
Irriżulta pożittiv Malti ta’ 33 sena li ma kellux sintomi imma li sarlu test wara li kellu kuntatt ma’ xi ħadd li ħareġ pożittiv fl-aħħar jiem.
Hemm ukoll Malti ta’ 61 sena li beda bis-sintomi fit-8 ta’ April. Dan ma jaħdimx u l-kuntatti tiegħu kienu membri tal-familja.
Irriżulta fil-pożittiv Malti ta’ tlieta u tletin sena li kien imsiefer u ġie Malta fit-tlieta ta’ Marzu. Dak iż-żmien sarlu t-test u rriżulta fin-negattiv, iżda fl-aħħar jiem żdidulu s-sintomi u rriżulta fil-pożittiv. Hawnhekk, il-Professur Gauci spjegat li x’aktarx, dan ħa l-virus mill-komunità.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Dan huwa eżempju li semmejtu apposta biex nuru li anki jekk inti ġejt negattiv, jekk reġa’ kellek espożizzjoni, xorta tista’ tlaqqat il-virus allura importanti li jekk tara li s-sintomi jew inbidlu jew żdiedu, terġa’ tagħmel kuntatt ħalli aħna nerġgħu nagħmlulek it-test ħalli iva jekk hemm bżonn nerġgħu nirrepetuh bħalma ġara proprju f’dan il-każ.”
Irriżultat fil-pożittiv ukoll tfajla Maltija ta’ wieħed u għoxrin sena li hija studenta u marret tixtri minn ħanut li ssemma fl-aħħar jiem. Sfortunatament waqt li kienet bis-sintomi, marret tara lil xi ħadd li jiġi minnha li hija persuna anzjana u din qed isirulha testijiet.
Hawnhekk il-Professur Gauci ġibdet l-attenzjoni biex min jagħmel it-test ma jagħmilx kuntatt ma’ nies oħra sakemm joħroġ ir-riżultat, speċjalment ma’ anzjani u nies vulnerabbli.
Hija kompliet tispjega: “In-nies vulnerabbli ma mmorrux narawhom. Naraw x’għandhom bżonn, ikel, mediċini, imma nħalluhomlhom wara l-bieb, nevitaw li jkollna kuntatt magħhom għaliex jekk għandna nies li qegħdin fil-komunità, ċans kbir jiltaqgħu ma’ dan il-virus fil-komunità, ċans kbir li jekk ikollok kuntatt ma’ xi anzjan jew xi ħadd vulnerabbli, tgħaddilu l-virus. Qegħdin naraw x’inhuma l-konsegwenzi li inti jkollok nies li jkunu ma jifilħux li huma anzjani u jkollhom mard kroniku, anki nies li mhumhiex daqshekk anzjani imma jkollhom mard kroniku, ukoll huma f’riskju, allura ejja nevitaw dak il-kuntatt.”