Għoxrin immigrant ieħor li kienu waslu f’Malta b’mod irregolari, ġew rilokati għal pajjiż ieħor.
Il-ħidma saret mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil.
Dan hekk kif qed tissokta l-ħidma fuq ix-xogħol li nbeda fix-xhur u s-snin li għaddew sabiex immigranti li waslu b’mod irregolari f’Malta jiġu rilokati fi Stati Membri oħra.
Din ir-rilokazzjoni saret permezz tal-Mekkaniżmu Volontarju ta’ Solidarjetà.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern sostna kif ir-rilokazzjoni hija l-aktar mod effiċjenti ta’ kif l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-isfidi li jiġu b’kawża tal-immigrazzjoni irregolari, b’attenzjoni partikolari fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta.
Intant ġie sostnut li filwaqt li dawk l-immigranti li ħaqqhom protezzjoni se jiġu megħjjuna u se jingħataw id-drittijiet kollha tagħhom skont il-liġi, dawk l-immigranti li ma ħaqqhomx protezzjoni, jew li jinsabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari, qed ikunu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Fl-aħħar nett intqal li ħidmet il-Pulizija tal-Immigrazzjoni, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u dipartimenti oħra fi ħdan l-istess Ministeru se tibqa’ għaddejja b’mod sħiħ.