Illum fi żjara uffiċjali fil-Qatar, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ltaqa formalment mal-Kap Eżekuttiv tal-Qatar Airways, l-Eċċellenza tiegħu Akbar al Baker.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-E.T Akbar al Baker iddiskutu bosta forom ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Qatar, b’mod partikolari fl-aspetti ta’ turiżmu u tal-linji tal-Ajru Nazzjonali.
Waqt dawn id-diskussjonijiet il-Ministru u l-Kap Ezekuttiv niedu ufficjalment programm ta’ taħriġ mogħti mill-Air Malta fejn bħala operatur tat-taħriġ approvata l-Air Malta se tħarreġ numru ta’ cadet pilots impjegati mal-Qatar Airways. Permezz ta’ dan it-taħriġ mogħti mill-Air Malta, dawn il-cadet pilots ser ikunu jkollhom l-opportunita’ li jitħarrġu flimkien mal-piloti esperjenzati tal-Air Malta u jżidu l-ammont ta’ siegħat ta’ titjir tagħhom. Dan it-taħriġ, ser joffri l-opportunita’ li dawn il-Cadet Pilots jieħdu l-grad ta’ first officer hekk kif jirritornaw lura mal-Qatar Airways. L-Air Malta ser tkun qed tħarreġ 20 cadet pilot impjegat mal-Qatar Airways.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega kif il-Gvern permezz tal-bord tad-diretturi għandhu l-vizjoni li jiżviluppa akkademja tal-piloti permezz tal-Air Malta hekk kif hija liċenzjata bħala Approved Training Operator fuq l-ajruplani tat-tip Airbus A320. Huwa spjega kif din l-opportunita’ fis-suq ser toħloq mod ta’ dħul finanzjarju ġdid lill-Air Malta f’konformita’ mal-istrateġija ta’ tkabbir li qiegħda taddotta l-linja tal-ajru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Qatar Airways, Akbar Al Baker esprima s-sodisfazzjon tiegħu f’din il-laqgħa hekk kif laqa’ l-Ministru Konrad Mizzi fl-Istat tal-Qatar. Huwa qal li r-rotta diretta bejn Malta u l-Qatar, li ser tibda fl-2019 ser toffri numru ta’ rabtiet ġodda bejn iż-żewġ pajjiżi bħal m’hu dan il-programm ta’ taħriġ għall-piloti. Huwa qal li l-operat tal-Qatar Airways f’Malta ser jagħti aċċess għal aktar minn 150 destinazzjoni globali hekk kif ser ikun hemm servizz dirett għall-lvant nofsani.
Il-Ministru ghat-Turizmu Konrad Mizzi kien akkumpanjat mic-Cermen tal-Air Malta Charles Mangion u mill-Kap Ezekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.