Mill-anqas 59 persuna inqatlu u aktar minn 155 sfaw feruti f’nirien li ħakmu nightclub fil-Maċedonja ta’ Fuq. 18-il persuna jinsabu f’qagħda kritika.
In-nar beda kmieni sbieħ il-Ħadd fil-Club Pulse f’Kocani madwar 100 kilometru ’l bogħod mill-kapitali Skopje fejn huwa maħsub li 500 persuna kienu qed jattendu kunċert ta’ DNK, duo popolari tal-hip hop.
Fi stqarrija aktar tard il-Ħadd wara nofsinhar, il-Ministru tal-Intern Pance Toskovski qal li l-klabb ma kellux liċenzja biex jopera. Lill-ġurnalisti huwa wkoll qalilhom li l-awtoritajiet qed jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u tixħim marbuta man-nirien.
Aktar minn 20 minn dawk feruti u tlieta mill-mejta kienu taħt it-tmintax-il sena. Il-post kien deskritt bħala nightclub improvvizzat mill-midja lokali hekk kif intqal li qabel dan kien maħżen tat-twapet.
Skont l-ewwel rapport in-nar beda meta intuża’ logħob tan-nar pirotekniku li laqat is-saqaf li kien kompost minn materjal fjammabbli.
Filmati wrew il-grupp idoqq hekk kif inxtelu żewġ flares u ftit wara bix-xrar jieħu n-nar is-saqaf. Jidhru wkoll nies qed jippruvaw jitfu n-nar filwaqt li oħrajn iħarsu lejhom.
Intqal li kien hemm biss dħul u ħruġ wieħed u għalhekk inqala’ l-paniku.
Huwa mifhum li l-età ta’ dawk kollha li kienu preżenti kienet tvarja bejn l-14 u l-24 sena.
Bosta mexxejja Ewropej bagħtu l-kondoljanzi nkluż il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen hekk kif il-Gvern iddikjara 7 t’ijiem ta’ luttu nazzjonali.
Madwar 20 persuna jinsabu arrestati b’rabta mal-każ inkluż uffiċjali tal-gvern u l-manager tal-klabb. Arrestati wkoll membri tal-grupp li kien qed idoqq u t-tifel ta’ sid in-nightclub.
Il-Prim Ministru tal-Maċedonja ta’ Fuq, Hristijan Mickoski qal li l-liċenzja tan-nightclub kienet inħarġet illegalment mill-Ministeru tal-Ekonomija u wiegħed li dawk responsabbli kienu se jħallsu ta’ għemilhom.