Fl-2021, 256 persuna tressqu l-Qorti b’rabta ma’ akkużi relatati mad-droga – 142 kienu dwar pussess u 114 dwar traffikar. Dan jirriżulta fi tnaqqis drastiku meta mqabbel ma.
Matul din is-sena partikolari, il-maġġoranza tal-każijiet kienu marbuta mad-droga tal-kannabis filwaqt li ġie nnutat tnaqqis notevoli marbut mad-droga kokaina, u żieda żgħira fejn tidħol l-eroina.
Fejn jidħlu qabdiet tad-droga, kien hemm qabdiet ta’ 762kg ta’ kokaina, 188kg ta’ kannabis, 118kg ta’ khat, 27kg ta’ reżina tal-kannabis, u 7.2L ta’ cbd oil. Dawn jinkludu l-qabdiet li jsiru fil-portijiet Maltin, u allura ma jfissirx li dawn l-ammonti kollha ta’ droga kienu se jispiċċaw fit-triq jew fis-suq ta’ Malta.
Din l-informazzjoni ħarġet il-Ġimgħa filgħodu meta ġie ppubblikat ir-rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga u r-risponsi għaliha f’Malta għas-sena 2021, f’eżerċizzju li jsir kull sena.
Fejn jidħol it-trattament, jirriżulta li fl-2021, kien hemm 1,990 każ ta’ trattament għall-użu problematiku tad-droga. 80% minnhom ġieli użaw servizzi ta’ trattament qabel, filwaqt li 20% kienu qed isegwu programm ta’ għajnuna għall-ewwel darba. 81% ta’ dawn il-persuni kienu rġiel u 19% kienu nisa.
Il-maġġoranza tal-applikanti kienu qed jieħdu t-trattament għall-eroina, u jsegwuhom kien hemm dawk li kellhom bżonn l-għajnuna għad-droga tal-kokaina, imbagħad tal-kannabis.
Fl-2021, kienu rreġistrati ħamest imwiet relatati mad-droga.
Il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon, innota kif għal sena oħra, reġgħu żdiedu n-nies li qed jirċievu t-trattament għall-vizzju tad-droga; riflessjoni ta’ aktar nies li qed jersqu ‘l quddiem biex ifittxu l-għajnuna.
Huwa semma l-investiment li qed isir f’dawn il-programmi ta’ għajnuna, fosthom fiċ-ċentru tal-Ibwar, u ddeskrivihom bħala flus investiti fin-nies.
Ritratt ewlieni: Getty Images