Mija u sebgħa u disgħin edukatur ingħataw il-warrant mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, f’ċerimonja tal-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema.
Fl-Iskola Sekondarja ta’ Ħal Kirkop, il-Ministru responsabbli mill-qasam edukattiv ta’ pajjiżna, qal li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni ta’ uliedna.
Fil-fatt, kif tħabbar f’dan il-Budget, is-sena d-dieħla mistennija jibdew id-diskussjonijiet formali li għandhom iwasslu għal ftehim settorjali ġdid li se jibni fuq dak eżistenti.
Fil-ġimgħat li għaddew kien hemm ħidma kbira fuq żewġ fronti, mill-Ministeru u mir-rappreżentanti tal-għalliema, li issa se tkun konsolidata bit-taħdidiet li għandhom jibdew f’Jannar.
Il-Ministru qal li dan il-ftehim se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi, u l-Gvern huwa kommess li jkun hemm aktar titjib li jirrifletti r-responsabbiltajiet li jġorru l-edukaturi.
Qal, “L-irwol tal-għalliem huwa kruċjali għaliex dawn huma professjonisti li jaħdmu b’dedikazzjoni, imħabba u fuq kollox vokazzjoni sabiex propju jassiguraw li t-tfal tagħna fil-perkors edukattiv, jilħqu l-potenzjal u allura nkunu qegħdin permezz tal-edukaturi nibnu l-futur ta’ dan il-pajjiż.”
Il-President tal-Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema, Dr Mateja Farrugia, qalet kif l-edukaturi huma fid-dmir li jgħinu lil kull student biex jemmen aktar fil-ħiliet tiegħu, fl-istess waqt li jkomplu jiżviluppaw mezzi li bihom it-tagħlim ikun aktar effettiv biex l-istudenti jkunu aktar kreattivi.
Qalet, “Illum l-istat jimmarka l-ħiliet personali u akkademiċi ta’ dawn l-individwi li għażlu biex jipprattikaw din il-professjoni li hija daqstant importanti. Napprezzaw ħafna x-xogħol u d-dedikazzjoni tal-għalliema kollha u hawnhekk nimmarkaw il-bidu ta’ din il-karriera tant importanti.”