19,500 familja qed igawdu mill-estensjoni tal-Feed-In Tariff.
Din il-miżura qed issir b’investiment ta’ tliet miljun ewro u ġiet imħabbra fi Frar li għadda.
Din se tkun qed tindirizza anomalija li kien hemm taħt Gvern Nazzjonalista f’dan il-qasam.
Dan hekk kif dawn il-familji li xtraw il-panelli fotovaltajiċi fl-2010, il-feed-in tariff tagħhom spiċċat wara sitt jew tmien snin wara u qed ikun Gvern Laburista li qed jagħtihom il-massimu tal-investiment li għamlu fil-panelli billi estenda l-iskema tal-feed-in tariff għall-għoxrin sena u hekk dawn il-familji ħadu iżjed snin igawdu bl-iskema.
Dawk il-persuni li spiċċaw bil-kuntratt tagħhom skadut, qegħdin jiddaħħlu f’din is-sistema b’mod awtomatiku, mingħajr ma wieħed irid japplika.
Dawk li l-feed-in tariff tagħhom skadiet wara sitt snin, qed jingħataw erbatax-il sena oħra. Filwaqt lil dawk li Gvern Nazzjonalista poġġihom fuq skema għal tmien snin biss, dan il-Gvern se jkun qed itihom tnax-il sena oħra.
Hekk Gvern Laburista se jkun qed ipoġġi dawk bl-iskema l-antika, bħal dawk tal-lum il-ġurnata, jiġifieri b’feed-in tariff għal għoxrin sena.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli li qalet magħna kif matul din is-sena se jgawdu madwar sittax-il elf familja.
Huwa qal, “B’dan il-mod qegħdin naċċertaw ruħna li dawk il-familji kollha li investew, anki fil-bidu meta din it-teknoloġija kienet għadha qed tiġi introdotta, jieħdu l-massimu tal-investiment tagħhom. Wara kollox meta inti tinvesti f’panelli tax-xemx qed tinvesti f’teknoloġija li għadha ħajja ta’ madwar 20 sena u aħna riedna naċċertaw ruħna li l-familji jieħdu l-massimu ta’ dawk l-20 sena u jkunu qegħdin jiggwadanjaw anki finanzjarjament permezz ta’ kontijiet orħos.”
Din l-iskema se twassal ukoll biex tnaqqas 32,000 tunellata ta’ dijossidju tal-karbonju, li huwa ffrankar tal-emmissjonijiet daqs 7,300 karozza.