Fil-ġimgħa tal-Vitorja, aktar minn mija u tnejn u disgħin elf persuna (192,515) qasmu l-fliegu permezz tal-erba’ vapuri tal-Gozo Channel.
Dawn iċ-ċifri uffiċjali tal-kumpanija Gozo Channel, li kiseb ONE News, juru li meta mqabbel mal-istess ġimgħa s-sena l-oħra, jiġifieri bejn l-ewwel u l-għaxra ta’ Settembru, ġiet irreġistrata żieda ta’ kważi ħdax-il 11,398.
Fil-jiem imsemmija, l-istess ċifri juru li t-total ta’ vetturi li nġarrew mill-vapuri ammontaw għal aktar minn 62,233.
Minkejja temp mhux stabbli, fis-sebgħa ta’ Settembru biss, il-bidu ta’ tmiem il-ġimgħa estiż, qasmu kważi 11-il elf persuna mill-Port taċ-Ċirkewwa għall-Port tal-Imġarr, Għawdex.
It-total ta’ vjaġġi li wettqu l-vapuri Gaudos, Ta’ Pinu, Melita u n-Nikolaos, ammontaw għal 995.
Dawn iċ-ċifri jkomplu jikkonfermaw kemm Għawdex qed jibqa’ mfittex u popolari fil-jiem tal-festi u f’kull okkażjoni ta’ tmiem il-ġimgħa itwal, bħalma kien il-każ ta’ Santa Marija u l-Vitorja, fejn eluf ta’ Maltin u turisti żaru l-Gżira tat-Tliet Għoljiet.
Dawn iċ-ċifri ma jinkludux il-passiġġieri li wettqu l-fast-ferries, li wkoll dehru li kienu beżlin u mgħobbija sa ruħ ommhom.
B’rabta ma’ dawn iċ-ċifri pożittivi ONE News ħa r-reazzjoni tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li nnota wkoll kif f’dawn il-jiem f’Għawdex saret l-attività marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride li wkoll ġibdet għadd imdaqqas ta’ lokali u barranin.
Qal, “Anke issa li qed noqorbu lejn l-aħħar tal-istaġun tas-sajf se nkomplu għaddejjin b’numru ta’ inizjattivi u attivitajiet biex Għawdex jibqa’ jkun l-għażla naturali tal-Maltin u t-turisti li jżuruna. Però, aktar minn hekk, f’dan il-perjodu qed naħdmu l-programm ta’ attivitajiet għall-istaġun li ġej biex Għawdex jibqa’ jkun il-gżira ta’ kull staġun.”