Diversi pajjiżi kbar bħall-Polonja, il-Vjetnam u ċ-Ċilì, ikkommettew ruħhom li mhux se jibqgħu jużaw il-faħam, li huwa l-ikbar fattur li jikkawża t-tibdil fil-klima.
Waqt il-konferenza tal-COP26 li qed tiddiskuti t-tibdil fil-klima, mija u disgħin pajjiż u organizzazzjoni wegħdu li ma jibqgħux jużaw il-faħam.
Minkejja dan, fost l-iktar pajjiżi li huma dipendenti fuq il-faħam, bħall-Awstralja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, ma kinux parti minn dan il-patt.
Dawk li ffirmaw dan il-ftehim ikkommettew ruħhom li mhux se jibqgħu jinvestu f’ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-faħam la domestikament u lanqas internazzjonalment.
Intant, fi ftehim ieħor li ntlaħaq fil-ħames jum tal-Konferenza, se jfisser li t-tisħin globali se jkun limitat għal wieħed punt tmienja gradi celcius.
Dawn il-laqgħat fi Glasgow qed isiru fi sfond ta’ kriżi tal-enerġija globali, bil-prezzijiet tal-enerġija qed jogħlew b’mod allarmanti hekk kif id-dinja tinsab ħierġa minn pandemija.