Waqt il-Festival tal-Ktieb, li din is-sena se jsir bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru, id-dar tal-pubblikazzjoni SKS se tkun qed tfakkar l-40 sena tagħha.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Anthony Degiovanni, Claire Xuereb Grech u Joe Borg, tfakkar kif matul dawn l-erba’ deċennji l-SKS ħarġet diversi kotba li jitrattaw l-istorja u l-letteratura, it-teorija politika, il-kultura, u l-bijografiji, fost l-oħrajn.
Biex tiċċelebra dan l-anniversarju minn mindu bdiet toħroġ kotba f’diversi ġeneri, l-SKS qed tniedi tliet kotba, ġodda: ir-rumanz satiriku ta’ Aleks Farrugia, ‘Ir-Re Borg’; edizzjoni ġdida tar-rumanz klassiku ‘L-Ibleh’, ta’ Ġużѐ Orlando; u ‘L-Analetti ta’ Konfuċju”, maqluba għall-Malti mil-linġwa Ċiniża minn Salvatore Giuffrè, u li se jitnieda wkoll waqt il-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb f’Beijing.
Tkellimna ma’ Joe Borg li, flimkien ma’ oħrajn, ħadem qatigħ biex l-SKS f’erbgħin sena ħarġet 190 ktieb li minnhom b’kollox biegħet mal-400,000. Il-biċċa l-kbira tagħhom huma bil-Malti, imma wħud minnhom huma bl-Ingliż.
“Għal 40 sena sħaħ l-SKS kienet pjattaforma għal diversi kittieba u awturi fil-qasam tal-letteratura, tal-istorja, tal-bijografija, tal-ħsieb politiku, tat-teatru, illi ppublikajna dawn il-kotba kollha – 190 ktieb fuq żmien ta’ erbgħin sena. Din is-sena qegħdin niċċelebraw dan l-anniversarju, u qed nistiednu lill-pubbliku sabiex jiġi fil-Festival tal-Ktieb biex jiċċelebra magħna u jagħżel ukoll xi ktieb jew tnejn mill-190 li ppubblikajna mill-1982 lil hawn.”
Sa mill-bidu tagħha fl-1982, l-SKS kienet impenjata li tinforma u teduka lill-qarrej, b’kitbiet politiċi, storiċi, bijografiċi, edukattivi, drammi, u novelli. Il-kotba li ħarġu b’kontenut politiku kellhom skop politiku xellugi. Madankollu, l-SKS tistqarr li qatt ma ppruvat tinfluwenza lill-awturi, la fil-kitba kreattiva u lanqas mod ieħor.
Fost il-kittieba ta’ dawn il-190 ktieb li ħarġu, insibu awturi kemm moderni kif ukoll ‘tradizzjonali’ u o]rajn li huma kritiċi u kummentaturi soċjali.
L-SKS ħarġet traduzzjonijiet li qatt ma kienu dehru qabel fl-ilsien Malti. Dawn ivarjaw minn Lu Xun, Cervantes, Charles Dickens, u Nicholas Monsarrat, għal Konfuċju.
Għall-ġejjieni, l-SKS għandha l-ħsieb li, flimkien mal-awturi tal-pubblikazzjonijiet tagħha, tkompli tagħti spinta ’l quddiem lill-wirt kulturali, artistiku, letterarju, politiku u soċjali ta’ pajjiżna.