L-operazzjoni tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jintfew in-nirien kbar li lbieraħ ħakmu l-fabbrika tal-ikel f’Santa Venera ntemmet kompletament ftit wara l-ħdax u nofs ta’ dalgħodu.
Qal dan Kevin Pace, uffiċjal għoli tal-Protezzjoni Ċivili responsabbli mill-assistenza u s-salvataġġ.
Meta spjega l-proċess, qal li malli daħlet it-talba għall-għajnuna, marru fuq il-post diversi uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jistabbilixxu dak li kien qiegħed jaqbad sabiex ikunu jistgħu jitfu n-nirien li kien hemm fis-sular ta’ fuq tal-fabbrika.
Is-Sur Pace qal li fuq il-post kien hemm diversi perikli li għamlu l-ħidma tal-Protezzjoni Ċivili aktar diffiċli.
L-Uffiċjal qal, “Fuq il-post kien hemm ħafna perikli għaliex kien hemm diversi ċilindri tal-gass, kien hemm żjut, kien hemm diversi kaxxi tal-kartun, u dawn ovvjament għandhom ir-riperkussjonijiet tagħhom. B’hekk, l-operazzjoni ħadet daqshekk fit-tul għaliex, barra li tkun trid titfi u tagħmel il-post sigur, inti trid ukoll tipprova tikkontrolla n-nar u żżommu milli jikber.”
L-uffiċjal spjega li l-ħaddiema telqu minn fuq il-post ftit aktar minn dsatax-il siegħa wara li sar ir-rapport dwar il-ħruq, wara li assiguraw li ma kienx għad hemm periklu.
Is-Sur Pace spjega wkoll li f’mumenti minnhom it-temperatura tan-nar fuq ġewwa tal-fabbrika bdiet timmarka tliet mija u ħamsin grad celcius.
F’din l-operazzjoni ntużaw madwar tliet mija u għoxrin elf litru ta’ ilma.
Pace tenna, “Aħna nistmaw li nistgħu użajna tliet mija u għoxrin litru ilma. Rigward persuni, nistmaw li kellna kważi erbgħa u ħamsin sa ħamsin persuna fuq il-post, inklużi uffiċjali u anke numru ta’ voluntiera tac-CPD u anke NGOs.”
Dwar dan il-każ il-Pulizija elevat numru ta’ filmati mill-kameras tas-siġurtà li kien hemm fil-binja u nħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.