- Jtemmu b’suċċess kors ta’ referee u judges fl‑isparar
Dsatax-il persuna temmu l-kors ta’ jumejn li jiċċertifika lill‑parteċipanti bħala judges u referees fil‑kompetizzjonijiet internazzjonali tal‑Isparar fl‑erba’ dixxiplini: shotgun, trap, double trap u skeet.
Il‑kors sar mill‑Malta Shooting Sport Federation taħt il‑patroċinju tal‑ISSF u bil‑kollaborazzjoni ta’ SportMalta. Fost il-parteċipanti kien hemm żewġ nisa, li temmew b’suċċess dan il‑kors li qed iservi wkoll ta’ preparazzjoni għall‑Malta World Cup li ser issir fl‑2018.
Il‑kors, li sar fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, sar mill‑Ingliż Barry Dobbs u l‑Ġermaniż Bodo Gisske li kellhom kliem ta’ tifħir għall‑parteċipanti Maltin. Huma kkumentaw li l‑parteċipazzjoni tal‑Maltin mhux biss kienet waħda tajba imma kienu impressjonati bl‑ammont għoli ta’ marki li huma ġabu.