L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrapportat 19-il mewta fil-postijiet tax-xogħol bejn l-2019 u l-2021.
Stqarrija maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-imwiet fil-postijiet tax-xogħol li seħħew f’dawk it-tliet snin. Kważi l-imwiet kollha li seħħew waqt ix-xogħol fl-aħħar tliet snin kienu jinvolvu rġiel, bl-eċċezzjoni ta’ inċident fatali wieħed, fl-2020, li involva mara. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-vittmi kellhom bejn 35 u 44 sena jew inkella 55 sena jew aktar.
B’kollox, 42.1% tal-inċidenti fatali kollha li seħħew fl-aħħar tliet snin kienu jinvolvu ċittadini Maltin, filwaqt li l-57.9% l-oħra kienu jinvolvu individwi mhux Maltin. Kważi tlieta minn kull erbgħa mill-inċidenti fatali kollha fuq ix-xogħol kienu jinvolvu impjegati.
Intrapriżi li jimpjegaw minn wieħed sa disa’ impjegati irreġistraw l-aktar imwiet fuq il-post tax-xogħol, u warajhom ġew dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati. Min-naħa l-oħra, intrapriżi li jimpjegaw minn 50 sa 499 impjegat irreġistraw l-inqas imwiet fuq ix-xogħol.
Kważi 75% ta’ dawn l-imwiet kienu kkawżati minn ġrieħi fir-ras. Kawżi oħra kienu jinvolvu korrimenti fl-estremitajiet ta’ fuq tal-ġisem u korrimenti fiz-zona taż-żaqq u fl-organi.
Bejn l-2019 u l-2021, kien hemm 18-il mewta fuq il-post tax-xogħol li involvew konkussjonijiet u ġrieħi interni, filwaqt li mewta oħra kienet tinvolvi għarqa u asfissija.
Matul dawk it-tliet snin, kważi 90% tal-imwiet kollha fuq ix-xogħol seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-imwiet fuq ix-xogħol, jew aħjar 73.7% involvew vittmi li kienu involuti f’xogħlijijet elementari, jiġifieri xogħlijiet sempliċi u ta’ rutina li prinċipalment jeħtieġu l-użu ta’ għodda li jinżammu fl-idejn u, ħafna drabi, sforz fiżiku.
Fl-2021 ġew irrappurtati 3.3 inċidenti fatali għal kull 100,000 persuna impjegata. Fl-2019 u fl-2020 ir-rata ta’ inċidenza kienet ta’ 1.2 u 2.7 rispettivament.