“M’aħniex se nittolleraw min jaqbeż il-limitu.”
Stqarr dan dalgħodu fil-programm ONE Breakfast il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia b’rabta mal-protesti fiċ-ċentru miftuħ ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.
Il-Ministru Farrugia qal li pajjiżna jaċċetta protesti paċifiċi iżda min jaqbeż il-limitu hemm il-liġi.
Saħaq li jista’ jkun hemm nies lokali u anki barranin li qed ixewxu l-immigranti.
“Pajjiżna jsalva nies li jkunu fil-periklu u anki jagħmel aktar minn dak mistenni iżda l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd”, saħaq fuq ONE Breakfast il-Ministru Farrugia.
Filwaqt li sellem lil membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Armata u l-Korpi dixxiplinati oħra għax-xogħol fejjiedi tagħhom, spjega kif se tiġi evalwata s-sitwazzjoni u jittieħdu l-passi neċċessarji kontra l-persuni involuti.
F’dan il-kuntest il-Ministru Farrugia qal ukoll li saru xi arresti wara dak li ġara dal-lejl.
Huwa spjega wkoll kif il-każ ġara wara li persuna residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ried jidħol fiċ-ċentru fis-sakra u ma tħalliex jagħmel dan.
Segwi r-reazzjoni tal-Ministru Michael Farrugia f’ONE Breakfast.