Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jilqa’ r-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq l-introduzzjoni tat-tablets fis-sistema edukattiva mill-2016 ‘l hawn – miżura mwegħda fil-manifest elettorali tal-2013 u li ġiet imwettqa.
Din l-iskema tal-One Tablet Per Child (OTPC) għandha l-għan li t-tfal kollha tar-4, l-5 u s-6 sena skolastika jingħataw aċċess għat-teknoloġija permezz ta’ din l-għodda ta’ tagħlim il-ħin kollu u kullimkien. Din isservi ta’ għajnuna għall-istudenti biex jiksbu firxa wiesgħa ta’ ħiliet fil-litteriżmu, litteriżmu diġitali, il-matematika u x-xjenza, fost oħrajn. Din l-iskema tgħin ukoll fl-isforzi li qed tagħmel Malta biex tilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea 2020 biex tonqos ir-rata ta’ studenti li jitilqu mill-iskola mingħajr il-kwalifiki meħtieġa (early school leavers). Mill-2016 sal-2019 tqassmu 15,750 tablet lill-istudenti u l-edukaturi u l-iskema ta’ OTPC se tkompli fis-snin li ġejjin. F’din is-sena skolastika se jitqassmu 4,950 tablet ġdid lill-istudenti tar-raba’ sena.
Filwaqt li dan ir-rapport isemmi numru ta’ miżuri li għandhom jittieħdu biex il-ħidma fuq din l-inizjattiva titjieb, joħroġ ċar li din is-sistema ġiet implimentata b’mod għaqli u b’valur tajjeb għall-finanzjament pubbliku u l-fondi Ewropej użati. 70% tal-għalliema, ġenituri u studenti li wieġbu għall-istħarriġ tal-Awditur Ġenerali esprimew sodisfazzjon dwar kif it-tablet qed jgħin fit-tagħlim. Huwa pożittiv il-fatt li aktar minn nofs l-għalliema qegħdin jużaw it-tablet tliet darbiet jew iktar fil-ġimgħa. L-Awditur Ġenerali semma wkoll il-fatt pożittiv li t-tablet qed jagħti opportunità lill-edukaturi li joffru metodi ta’ tagħlim iktar innovattivi u li jqanqlu iktar interess fl-istudenti. Issemma wkoll b’mod pożittiv l-użu tat-tablets għall-assessjar.
Ta’ minn jinnota wkoll ir-rispons tajjeb mhux biss għall-investiment li kien hemm fil-hardware innifsu, iżda anke għall-apps kumplimentari kif ukoll is-servizz li jingħata wara li l-istudent jingħata t-tablet.
Kif ġie spjegat anke fir-rispons għar-rapport, il-ministeru se jkompli jaħdem biex itejjeb is-servizz u jdaħħal iżjed miżuri favur l-edukazzjoni diġitali biex, flimkien mal-edukaturi, tiġi offruta esperjenza dejjem iżjed innovattiva lill-istudenti.