Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi assigura li l-kumitat tal-ħatriet ta’ ġudikanti ġodda qed jifli bmod mill-aktar strett l-applikazzjonijiet u li dan mhux qiegħed iservi ta’ rubber stamp kif ħasbu xi wħud.
F’ċerimonja tradizzjonali tal-ftuħ tas-sena forensi, il-President tal-Qorti qal l-kontroversja dwar il-ħatiet tal-ġudikanti mhix xi ħaġa tal-lum biss iżda sostna li l-ġudikatura tagħna għandha tradizzjoni tajba minkejja li kellha problemi li wkoll ħarġu fil-beraħ.
Il-Prim Imħallef, Joseph Azzopardi stqarr li “Dan il-Kumitat qed jifli b’mod mill-iktar minuzzjus l-applikazzjonijiet li qed ikollu u mhuwiex qed iservi kif forsi ħasbu wħud’ ta’ “Rubber Stamp” tant illi kontra qalbna ukoll irrifjutajna numru minnhom.”
Il-Prim Imħallef kellu wkoll kliem ta’ twissija għal membri tal-ġudikatura u saħaq fuq il-prinċipju sagrosant li l-liġi għandha tkun osservata minn kulħadd.
Sostna li jekk il-liġi ma tkunx f’waqtha jew għaddha żmienha, għandha tinbidel u mhux tinkiser.
“Wieħed irid joqgħod attent li din ma tkunx forma ta’ suppervja intelletwali meta niddeċiedu aħna x’għandha tkun il-liġi. Kif dan hu prinċipju li japplika għalina għandu japplika ukoll għal ħaddieħor. Ħadd ma għandu dritt jiddeċiedi li jaqa’ u jqum mill-liġi għax iħoss li l-liġi mhix ġusta”, sostna l-Prim Imħallef.
Il-Prim Imħallef irrefera wkoll dwar każijiet deċiżi mill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu u xejjen dikjarazzjonijiet li saru fost oħrajn minn Imħallef emeritu meta ddikjara li dawn regolarment ibiddlu jew jaqbilbu sentenza tal-qrti tagħna. Bi kliem ċar qal hekk:
“Dan mhux minnu. Ħafna mill-appelli li jsiru fi Strasburgu dwar sentenzi mogħtija mill-Qorti tagħna, ikunu ddikjarati inammissibbli – jiġifieri lanqas biss ikun jistħoqqilhom diskussjoni”, temm jgħid il-Prim Imħallef.
Saħanistra semma kif f’żewġ każijiet, il-Qorti Ewropea biddlet il-ħsieb tagħha u mxiet mal-veduta tal-Qorti Kostituzzjonali Maltija.
Fi tmiem id-diskors tiegħu il-Prim Imħallef sellem lill-Imħallef Lorraine Schembri Orland li bdiet isservi fil-Qorti fi Strasburgu, u lill-Imħallef Joseph Cuschieri u l-Maġistrat Coppini li waslu biex jirtiraw minn fuq il-bank tal-ġudikaturi.